Il-PL jiċħad l-involviment tiegħu fil-każ tat-testijiet tal-liċenzji minkejja l-implikazzjonijiet ta' Clint Mansueto

'Dan il-każ jagħtina indikazzjoni oħra ta' tnawwir strutturali fl-istituzzjonijiet, frott tal-impunità li teżisti f'pajjiżna' - Repubblika

Il-Partit Laburista (PL) ċaħad kategorikament l-involviment tiegħu fl-allegat skandlu tal-korruzzjoni fi ħdan it-Transport Malta (TM) fuq testijiet tat-teorija tal-liċenzja tas-sewqan. Kelliem għall-Partit Laburista qal l-PL mhux se jkun qiegħed jaffaċċja l-ebda akkużi fil-Qorti fuq dan il-każ.

Dan qalu meta mistoqsi mill-MaltaToday jekk kienx hemm uffiċjali tal-PL li kienu involuti fil-każ ta' korruzzjoni. Apparti minn hekk, il-partit ċaħad kategorikament ukoll li għandu lista ta' kandidati li beħsiebhom jagħmlu t-test għal-liċenzja. 

Dan kollu qiegħed jingħad fid-dawl ta' sospensjoni ta' tliet uffiċjali fi ħdan l-entità, li allegatament huma involuti f'dan il-każ, inkluż id-Direttur ta' TM stess, Clint Mansueto. Mansueto fis-smigħ tal-Qorti saħaq li huwa kien responsabbli mid-Direttorat tal-vetturi fuq l-art u kien stqarr mal-Pulizija li kien qiegħed ikun "taħt pressjoni minn Ministru", biex jagħmel dan kollu.

L-investigaturi f'dan il-każ ħadu taħt il-kustodja tagħhom djarji tas-snin 2021 u 2022 li kienu ta' Mansueto u li fihom kien hemm madwar 250 isem. Il-Pulizija, bħala parti mill-investigazzjoni, qed tara li tqabbel dawk l-ismijiet ma' xi messaġġi jew informazzjoni oħra biex tara kienx hemm preferenzi fl-ittestjar tal-liċenzji tas-sewqan. 

'Apparti li ma hemmx distinzjoni bejn partit u Gvern, issa t-tnejn qed iħawdu flimkien biex jaġevolaw l-interessi tagħhom' 

Intant b'reazzjoni għall-aħħar żviluppi l-Għaqda mhux Governattiva (NGO) Repubblika saħqet li "hu evidenti li l-korruzzjoni daħlet fl-oqsma kollha tal-ħajja tal-pajjiż u saret sors ta' qligħ kbir għal klikka ta' nies". Repubblika saħqet li fuq l-aħħar aħbar ta' korruzzjoni fi Transport Malta, hija indikazzjoni ta' "tnawwir strutturali fl-istituzzjonijiet, frott tal-impunità li teżisti f'pajjiżna." 

L-NGO temmen li llum il-ġurnata, "apparti li ma hemmx distinzjoni bejn partit u Gvern, it-tnejn qed iħawdu flimkien biex jaġevolaw l-interessi tagħhom". 

Repubblika temmet tgħid li l-poplu għandu d-dritt li jkun jaf il-verità sħiħa dwar dak li sar u li għadhom jittieħdu passi kontra kull min abbuża u tradixxa l-fiduċja li ngħatatlu fl-uffiċċju tiegħu. 

More in Qrati u Pulizija