Sentejn u nofs ħabs għal raġel li qabbad karozza f'Ħal Qormi

Ir-raġel kien akkużat ukoll li illi kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq akkużi mhux relatati ma’ dan il-każ iżda għal dan huwa wieġeb ħati wkoll

(Mill-Arkivji)
(Mill-Arkivji)

Raġel ta’ 36 sena mill-Belt Valletta intbgħat il-ħabs wara li qabbad nirien f’Ħal Qormi li waslu biex żewġ karozzi u faċċata ta' binja fil-viċin, iġarbu ħsara estensiva.

Ir-raġel, li mhux qed jissemma b’ismu sabiex ma tiġix ipperikolata investigazzjoni tal-pulizija li għadha għaddeja, ammetta l-akkużi kollha kontrih.

Il-Maġistrat semgħet kif fl-20 ta’ Awwissu, ir-raġel qabbad karozza pparkjata fi Triq ix-Xitwa Ħal Qormi u għalkemm ħadd ma weġgħa, il-karozza pparkjata maġenba ħadet in-nar ukoll u dan wassal biex faċċata ta’ proprjetà viċin tan-nirien iġġarab ftit ħsara mhux ħażin.

L-akkużat fis-smigħ ta’ dalgħodu ammetta wkoll illi kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq akkużi mhux relatati ma’ dan il-każ. 

Minħabba li huwa ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih, ir-raġel intbat sentejn u nofs ħabs. 

L-ispetturi Jeffrey Scicluna, Mario Xiberras u Jeanetta Grixti mexxew il-prosekuzzjoni filwaqt li Arthur Azzopardi u Jacob Magri ddefendew l-akkużat.

 

More in Qrati u Pulizija