L-avukati ta' Fenech jitkellmu dwar frame-up... Jgħidu li l-evidenza tpoġġiet fil-mobile wara

Id-difiża qed tissuġerixxi li l-evidenza tpoġġiet fil-mobile tal-akkużat sabiex jeħel hu imma Fenech jinsisti li dik l-evidenza hu qatt ma raha b'għajnejh

Waqt is-seduta tal-lum, l-avukati ta’ Yorgen Fenech għal darb’oħra sostnew li l-provi preżentati lilhom ma kinux kompluti, u sostnew li fost affarijiet oħra, il-mobiles ta’ Keith Schembri u Daphne Caruana Galizia għadhom ma ġewx esebit fl-atti tal-każ.

Fid-diskors tagħhom illum, id-difiża dehret tibqa' tipprova n-narattiva ta' frame-up billi tissuġerixxi li evidenza kienet tpoġġiet fil-mobile tal-akkużat sabiex jeħel hu, għax fil-verità Fenech jinsisti li dik l-evidenza hu qatt ma raha b'għajnejh. Din in-narrattiva qed tingħad minkejja li l-mobile kien eżaminat diversi drabi minn aktar minn espert wieħed maħtur mill-Qorti.

L-avukat difensur irribatta li l-kwistjonijiet li qed jitqajmu minnhom setgħu jiġu indirizzati biss waqt il-proċess, mhux fl-istadju tal-motivi preliminari. “Fenech qed jgħid li fit-telefon tiegħu hemm kontenut li ma kienx hemm qabel. Dan huwa fatt li jrid jiġi deċiż mill-ġurati. Kif tista’ tiddeċiedi dwarha din il-Qorti?... Fil-verità m’hemm xejn li jwaqqaf lill-Qorti milli tagħti sentenza fuq l-eċċezzjonijiet bil-provi diġà f’idejhom.”

Dawn l-argumenti ġew ripetuti kemm-il darba, bid-difiża ssostni li kien hemm oġġetti neqsin fil-provi, u l-Qorti tirrimarka li d-difiża kienet ingħatat aċċess għall-evidenza kollha. Id-difiża fl-aħħar iddikjarat li kienet ikkonkludiet il-motivi tagħha iżda mhux ċar jekk it-tim legali ta’ Fenech għandux il-ħsieb li jippreżenta referenza kostituzzjonali dwar din il-kwistjoni.

L-Imħallef iddifferiet il-kawża għal Diċembru għal sentenza dwar il-motivi preliminari fejn enfasizza li d-difiża kienet qed tingħata xahrejn sħaħ biex tara l-esebiti inkwistjoni fil-Qorti, fil-preżenza tal-Avukat Ġenerali u l-espert tal-Qorti li analizzahom. Id-difiża kienet awtorizzata wkoll tagħmel nota oħra tas-sottomissjonijiet dwar il-bqija tal-motivi matul dawn ix-xahrejn.

L-Imħallef li se tkun qed tippresiedi l-ġuri ta’ Yorgen Fenech ħabbret li hija kienet se tagħti s-sentenza tagħha fuq il-motivi preliminari f’Diċembru. dan qalitu fi tmiem is-seduta ta' dalgħodu.

L-avukati Charles Merceica, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri huma l-avukati difensuri ta’ Fenech. Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qed jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni f’dawn il-proċeduri. L-avukati Jason Azzopardi u Therese Commodini Cachia qed jassistu lill-familja Caruana Galizia.

More in Qrati u Pulizija