Żagħżugħ li jissimpatizza mal-lemin estrem meħlus mill-akkużi ta' theddid għax ommu ma tridx tixhed

L-omm tgħid li minkejja li għamlet ir-rapport, għax beżgħet li kellu arma tan-nar, ma tibżax minn binha u tridu jirċievi l-kura 

Iż-żagħżugħ ta' 20 sena li ftit ġimgħat ilu kien akkużat li beżża' lil ommu u li hedded li joqtol lis-sieħeb tagħha, inħeles minn dawn l-akkużi hekk kif ommu irrifjutat li tixhed fil-Qorti. Dan iż-żagħżugħ, apparti li kien akkużat li kellu fil-pussess tiegħu arma illegali, kien taħt ordni ta' probation. 

Din l-ordni, ingħatat fi Frar li għadda hekk kif kien provat fil-Qorti li kien weġġa' lil wieħed mill-ġirien tiegħu. Dan ġara hekk kif dan il-ġar kien ċanfar liż-żagħżugħ għaliex kellu l-mużika għolja wisq u li b'riżultat ta' dan iż-żagħżugħ kien tah daqqa. Apparti minn hekk huwa ġie ordnat li jingħata l-kura minħabba abbuż ta' alkohol. 

L-Ispettur f'dan il-każ saħqet li fit-8 ta' Awwissu l-omm għamlet rapport mal-Unit kontra l-Vjolenza Domestika li kienet rat lil binha, li f'dak il-mument kien xurban, jhedded lis-sieħeb tagħha. L-omm irnexxielha tintervjeni u s-sieħeb tagħha telaq mir-residenza. Dan wassal biex iż-żagħżugħ kompla jirrabja u jhedded li kien se jmur warajh filwaqt li ħareġ borza mimlija munizzjon. L-għada, iż-żagħżugħ reġa' qal li kien se joqtlu u jimxi fuq il-passi ta' nannuh, li snin ilu kien qatel persuna.

L-ispettur kienet saħqet li ż-żagħżugħ kien ħa s-sejf ta' ommu u tefgħu f'kamartu u biddel il-kodiċi. L-omm kienet beżgħet li kellu arma fih. Bħala parti mill-investigazzjoni l-Pulizija marret fir-residenza u ma sabet l-ebda munizzjon jew l-arma. 

Meta mistoqsija għaliex kienet biddlet il-ħsieb li tixhed kontra binha, l-omm saħqet li biddlet fehma u li dak kien biss "argument". Saħqet li ma kinitx taf li din kienet se teskala għall-Qorti, minkejja li l-Ispettur kienet informatha meta għamlet ir-rapport. Hija żiedet tgħid li minkejja li binha m'għadux joqgħod magħha trid li hu jibda' jirċievi l-għajnuna, iżda issostni li ma tibżax minnu. 

Sussegwentament is-sieħeb tagħha rrifjuta milli jixhed ukoll u dan wassal biex jiġu rtirati l-akkużi ta' theddid hekk kif ma kienx hemm biżżejjed evidenza kontrih. Minkejja dan huwa xorta għadu taħt l-akkuża ta' pussess ta' armi u li kiser l-ordni ta' probation hekk kif kien ammetta għal dawn l-akkużi. Propju fuq hekk dan il-każ se jkompli jinstema' f'Settembru hekk kif għad irid jixhed l-uffiċjal tal-probation. 

More in Qrati u Pulizija