Ir-raġel li lbieraħ tajjar pulizija jitressaq il-Qorti akkużat bi 18-il akkuża

Huwa nżamm arrestat u d-difiża talbet li jingħata l-kura minħabba l-problema tad-droga

Ir-raġel li lbieraħ baqa’ jsuq u tajjar Pulizija li ma kienx xogħol, inżamm arrestat hekk kif tressaq il-Qorti llum akkużat bi 18-il akkuża.

L-akkużat li għandu 34 sena u li huwa mill-Belt Valletta kien akkużat fost oħrajn li weġġa’ żewġ persuni, li saq perikoluż, li kkawża ħsara fuq tliet muturi u karozza tal-Pulizija u li falla milli jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija.

Kien akkużat wkoll li saq il-karozza mingħajr liċenzja u assigurazzjoni, li kien fil-pussess tal-eroina, li kellu fuqu arma li taqta’ u bil-ponta, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, il-kundizzjonijiet ta’ probation u li sar reċidiv.

Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex l-akkużat ma jitħallix aktar isuq u biex tpoġġi taħt protezzjoni lil dawk il-persuni involuti.

L-akkużat wieġeb mhux ħati. 

Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest imma talbet lill-Qorti biex tordna li l-akkużat jingħata kura biex jegħleb dik li ddeskriviet bħala “problema kronika ta’ droga.”

More in Qrati u Pulizija