Tkompli l-kumpilazzjoni ta’ provi tal-qtil fil-wied ta' Ħal Qormi iżda ssib l-intoppi

Tkompli l-kumpilazzjoni ta’ provi fil-konfront ta’ Eliott Busuttil ta’ 38 sena li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena, li nstab ġewwa l-bagoll tal-karozza tiegħu stess f’wied Ħal Qormi fil-5 ta’ April

Xhud li kellha tixhed dalgħodu fil-Qorti, fil-każ kontra Eliott Paul Busuttil, li jinsab akkużat bl-omiċidju tax-xufier tat-taxi Mario Farrugia, kienet ripetutament mwissija li se taffaċċja riperkussjonijiet serji għall-imġieba evażiva tagħha.

Il-Qorti ħasset li f'xi ċirkostanzi, il-mara li kien assistita minn interpretu tal-lingwa Rumena matul is-seduta, ma bdietx tgħin. Eżempju meta l-prosekutur beda' jistaqsiha “Min hu Eliott Busuttil?,” hi wieġbet "persuna."

Wara numru ta' mistoqsijiet bla risposti ċari, il-Qorti ssospendiet ix-xhieda. L-avukat tax-xhud, ingħata ftit minuti biex jitkellem mal-klijent tiegħu barra l-awla. Waqt li l-mara kienet barra mill-awla, l-avukat difensur iddetta nota lill-Qorti li fiha rriserva d-dritt li jikkontesta, aktar tard, il-mistoqsijiet li kienu qed isiru lix-xhud.

Wara xehdu żewġ uffiċjali tal-pulizija, l-ewwel uffiċjal hu parti mit-tim ta’ tliet irġiel li daħal fid-dar tal-vittma waqt li kien qed jinvestiga l-għajbien tax-xufier tat-taxi.

It-tieni uffiċjal li xehed kien kuntistabbli mill-Viċi Squad, li ddeskriva l-inkjesti li kienet għamlet mal-ġirien tal-vittma. Ġar wieħed kien innota li wara li rah l-aħħar fit-28 ta’ Marzu, Farrugia kien ilu ma ħareġ l-iskart tad-dar għall-ġbir u li d-dwal fid-dar tiegħu kienu ilhom mixgħula lejl u nhar.

Il-pulizija kienet analizzat ukoll il-profili tat-telefonati tal-vittma u identifikat raġel li ttieħed għall-interrogazzjoni. Dak ir-raġel kien ipprova jagħmel kuntatt mal-vittma fid-29 ta’ Marzu, żewġ minuti qabel il-mowbajl ta’ Farrugia bagħat id-data finali tal-pożizzjoni tiegħu. Ir-raġel qal lill-pulizija li ried juża s-servizzi tal-vittma bħala xufier tat-taxi iżda qal li s-sejħa ma ġietx imwieġba.

More in Qrati u Pulizija