Raġel jhedded tfajla minuri li kien se jippublikalha ritratt indiċenti biex 'jagħtiha lezzjoni'

L-avukat tal-akkużat jisħaq li din l-azzjoni kienet waħda ġenwina u kien għalhekk li ħaqqu jingħata l-ħelsien, kif fil-fatt ġara 

Raġel Sirjan li joqgħod Marsaskala ta' 25 sena ngħata ħelsien mill-arrest wara li kien qed jiġi akkużat b'pussess ta' ritratti pornografiċi ta' tfajla taħt l-età, li ta fastidju u li talabha għal pjaċiri sesswali, permezz tal-midja soċjali. 

L-investigazzjonijiet bdew meta din it-tfajla, li llum għandha 17-il sena, ċemplet lill-Pulizija biex tagħmel rapport li persuna kellu fil-pussess tiegħu ritratti pornografiċi tagħha beda' jheddidha li kien se jippublikahom. Skont dak li ntqal fil-Qorti t-tfajla, li dak iż-żmien kellha 16-il sena, bagħtet ritratti mhux xierqa tagħha nnifisha lil raġel fuq Facebook, li l-profil tiegħu kien jindika isem differenti minn dak tal-akkużat u għaldaqstant kien falz. 

Minn l-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li dan il-profil kien fil-fatt tal-akkużat u meta intalab iwieġeb xi mistoqsijiet huwa ikkonferma li l-profil kien tiegħu. Huwa stqarr mal-Pulizija li r-raġuni għala kien qiegħed jheddidha b'dak ir-ritratt kien biex jagħtiha lezzjoni u ma terġax tieħu ritratti bħal dawk. L-avukat tiegħu argumenta li din ir-raġuni tindika li l-intenzjonijiet tiegħu kienu ġenwini u fil-fatt dan ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, wara li talab għall-ħelsien mill-arrest. 

L-Ispettur f'dan il-każ oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li l-minuri kienet għadha ma telgħetx tixhed kif ukoll li dan seta' faċilment jerġa' jipprova jikkuntattjaha permezz tal-midja soċjali. Madankollu l-Qorti aċċettat il-talba tal-avukat difensur u dan ingħata l-ħelsien hekk kif huh ħa r-responsabbli tiegħu u għaldaqstant issodisfa r-rekwiżiti legali biex jinħeles. Apparti minn hekk ġiet imposta ordni ta' protezzjoni għal din it-tfajla li tipprojbixxi lil dan ir-raġel milli jikkuntattjaha jew jersaq lejha.

Huwa ġie mitlub li jiffirma l-ktieb tal-ħarsien mill-arrest tliet darbiet fil-ġimgħa u li jkollu ħin stabbilit ta' meta jista' joħroġ. 

More in Qrati u Pulizija