Mar minn jeddu għand il-Pulizija iżda dawn ma kellhomx x'jistaqsuh dwar is-serqa tal-HSBC

Dan qalu l-eks Ministru stess meta kien qed jixhed fil-każ ta' libell li fetaħ kontra Jason Azzopardi

Il-Pulizija ma kellhomx mistoqsijiet għall-eks Ministru Carmelo Abela li volontarjament deher quddiemhom fuq l-investigazzjoni tas-serqa tal-HSBC tal-2010. Dan qalu Abela stess dalgħodu meta kien qed jixhed f'każ ta' libell li fetaħ kontra l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.  Dan kien implika lill-eks Ministru illi hu kien imdaħħal f'din is-serqa, hekk kif Abela kien impjegat f'dan il-bank matul dan iż-żmien.

Quddiem Rachel Montebello, Abela ddeskriva l-allegazzjonijiet fuqu bħala gideb li għamlu ħsara lir-reputazzjoni tiegħu u li saħansitra waslu biex tilef Ministeru. "Għalkemm din affetwat lili ħafna, affetwat ħafna wkoll lil marti u l-uliedi," sostna Carmelo Abela. 

Huwa qal li l-Pulizija qatt ma ċemplulu biex jinterrogawh b'rabta ma' din is-serqa, għalkemm imbagħad ippreċiża li kien hemm okkażjoni fejn hu stess stieden lill-pulizija biex jinterrogawh u meta mar l-għassa qalulu li ma għandhomx mistoqsijiet għalih. 

Huwa jgħid ukoll li anke l-Bank qatt ma ħa azzjoni fuqu, la qabel u lanqas issa. 

"Jiena kont Ministru tal-Affarijiet Barranin u r-reputazzjoni tiegħi saritilha ħsara b'mod li ma jistax ikun ikkwantifikat." 

F'messaġġ fuq il-paġna ta' Facebook mingħajr ma semmieh b'ismu, Jason Azzopardi kien implika illi Abela kien wieħed minn dawk involuti fis-serqa tal-HSBC fl-2010. Huwa kien qal għal referenza minn Abela, dwar mawra li kien għamel f'Ġerusalemm id-Deputat Azzopardi, li "aħjar il-qabar ta' Kristu, milli nkun kompliċi fil-hold up tal-HSBC.  Aħjar il-qabar ta' Kristu milli nkun kompliċi mal-moħħ tal-hold up billi nagħti filmati ta' ġewwa l-bank u ċwievet foloz.  Aħjar il-qabar ta' Kristu milli nkun komplici f'hold up bil-wegħda ta' €300,000 mis-serqa."

 

More in Qrati u Pulizija