Iqajjem kommossjoni sħiħa fid-Depot fuq lighter tas-sigaretti u jispiċċa jhedded żewġ uffiċjali

Iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti u ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih

Żagħżugħ ammetta li waqt li kien qed jinżamm arrestat id-Depot qajjem kommossjoni sħiħa fuq lighter tas-sigaretti, hedded żewġ uffiċjali tal-Pulizija u kkawża ħsara.

Huwa tressaq il-Qorti akkużat li hedded u insulenta żewġ uffiċjali tal-Pulizija, li wettaq ħsara fuq proprjetà tal-Gvern, li falla milli jobdi l-ordni tal-Pulizija, li kiser il-paċi u li kien reċidiv.

Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Maġistrat Leonard Caruana kif Cauchi kien arrestat aktar kmieni llum wara mandat ta’ arrest fi proċeduri separati.

Sakemm kien fil-lockup, iż-żagħżugħ li għandu 25 sena, qajjem kommossjoni sħiħa fuq lighter u spiċċa hedded lis-Surġent u l-Kunsitabbli li kellhom jeskortawh lejn il-Qorti.

Skont il-Prosekuzzjoni, iż-żagħżugħ beda jħabbat rasu mal-ħajt u kisser tieqa tal-persperx b’idejh tant li weġġa’.

L-akkużat qal li ddispjaċih u ammetta l-akkużi.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-istess żagħżugħ spiċċa quddiem il-Qorti. Fl-2019 huwa kien ingħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li hedded lill-eks sieħeb ta’ oħtu b’arma tan-nar.

Il-Maġistrat ordna biex ikun hemm rapport dettaljat fuq l-akkużat qabel jagħti s-sentenza. Sakemm tingħata s-sentenza, l-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest iżda fuq diversi kundizzjonijiet, inkluż li josserva curfew.

More in Qrati u Pulizija