Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-eżodu tal-pulizija mill-Korp huwa 'perikoluż'

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jassiguraw it-tibdil meħtieġ biex il-Korp jissaħħaħ mill-ġdid

"Il-Gvern Laburista tilef għal kollox il-ħila li jiżgura Korp tal-Pulizija motivat u organizzat tajjeb. Il-Korp tal-Pulizija jinsab f’sitwazzjoni ħażina ħafna." Hekk saħaq f'stqarrija l-Partit Nazzjoanlista dalgħodu.

Joe Giglio, Kelliem għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi u Ivan CastilloKelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu qalu fl-istess stqarrija li l-moral fi ħdan il-Korp mhux biss hu f'livell baxx, iżda s-sens ta' demotivazzjoni nxterdet kullimkien. Din, skont huma, twassal għal sitwazzjoni ta' tħassib u perikoluża, fejn qed naraw Pulizija jitilqu mill-Korp iktar milli jidħlu rekluti ġodda. 

Il-Partit Nazzjonalista assigura li huwa qed iħoss li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Pulizija jeħtieġ li jitjiebu biex, minflok eżodu ta' Pulizija, ikunu attirati aktar persuni li jagħżlu li jidħlu jaħdmu fi ħdan il-Korp. Dan filwaqt jesprimi solidarjetà mal-membri kollha tal-Korp, li "qed jiffaċċjaw l-agħar sitwazzjoni li qatt kienu fiha, b'kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, b'pagi baxxi u mingħajr l-ebda spalla mill-Gvern biex tinħoloq il-bidla li għandu bżonn il-Korp tal-Pulizija." 

L-istqarrija itemm tgħid li bil-kriminalità qed tiżdied u bi Gvern li mhux jindirizza l-problemi li ħoloq hu stess, "il-poplu qed jitlef il-fiduċja tiegħu fil-Korp," u għalhekk jappella lill-Gvern u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jassiguraw it-tibdil meħtieġ biex il-Korp jissaħħaħ mill-ġdid.

More in Qrati u Pulizija