Il-Qorti tiddikjara proviżjoni fil-liġi dwar id-droga bħala waħda li tikser il-Kostituzzjoni

L-Imħallef ordnat li s-sentenza mogħtija llum mill-Qorti Kostituzzjonali tingħata lill-Ispeaker tal-Kamra u l-Ministru għall-Ġustizzja

Imħallef ordnat li l-Ispeaker tal-Kamra u l-Ministru għall-Ġustizzja jingħataw kopja ta’ sentenza mogħtija llum li ddikjarat l-Att dwar id-Dipendenza tad-Droga (Trattament mhux Priġunerija) bħala wieħed li jmur kontra l-Kostituzzjoni.

Dan ħareġ mis-sentenza mogħtija llum mill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri f’każ Kostituzzjonali miftuħ mill-eks nutar Reuben Micallef. Micallef għad għandu appell pendenti wara li fl-2020 kien instab ħati ta’ frodi u ngħata sentenza ta’ ħames snin ħafs.

Huwa kien tressaq il-Qorti akkużat li ffroda madwar 12-il kumpanija b’eluf ta’ ewro. Huwa ngħata sentenza ta’ ħames snin ħabs.

Wara li fetaħ l-appell, l-avukati ta’ Micallef kienu talbu biex il-Qorti tal-Appell tinbidel f’Qorti ta’ Droga minħabb l-vizzju tad-droga li kien għaddej minnha l-akkużat u li skonthom, wasluh biex iwettaq ir-reati li għalihom instab ħatja.

Madanakollu, din it-talba ġiet irrifjutata wara l-argumenti li għamel l-Avukat Ġenerali, jiġifieri li l-akkużi inkwistjoni setgħu waslu biex l-akkużat jingħata sentenza ta’ seba’ snin ħabs u għalhekk mhuwiex eliġibbli biex il-każ tiegħu jgħaddi quddiem il-Qorti tad-Drogi, anke jekk hu ngħata sentenza ta’ ħames snin ħabs biss.

Fl-applikazzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, l-Avukati nnutaw kif l-Avukat Ġenerali ma appelax kontra l-ħames snin ħabs mogħtija lill-akkużat u allura ma kien hemm l-ebda ċans li s-sentenza tiegħu se tkun qed tiżdied. 

Kien għalhekk li qalu li l-eks nutar inkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu għax kienet qed issir diskriminazzjoni bejn dawk il-persuni li jkunu akkużati b’reati li jistgħu jwassluhom biex jintbagħtu seba’ snin ħabs u dawk li jingħataw sentenza inqas ħarxa

Qalu li l-liġi mhijiex ċara biżżejjed u kif inhi miktuba kienet qed iċċaħħad lill-akkużat milli jaċċessa l-Qorti tad-Droga. Skonthom, dan id-dritt huma miktub ċar u tond fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u anke fil-Kostituzzjoni.

L-Avukat tal-Istat ma qabilx ma’ dawn l-argumenti imma l-Avukati żammew sodi.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef ma laqgħetx l-argument tal-Avukat tal-Istat jiġifieri li t-talba ta’ Micallef kienet invalida għax hu ma kienx akkużat b’offiżi relatati ma’ droga.

Qalet li fil-każ, Micallef kif spjega kif spiċċa dipendenti fuq id-droga anke minħabba kwistjonijiet personali. 

Micallef kien insista li żewġ persuni kienu ħadu vantaġġ mill-vizzju tiegħu u kienu użawh biex jimportaw madum mil-Libja u l-ispejjeż wasluh biex ma kienx kapaċi jħallas dipendenzi li kellu. 

L-Imħallef daħlet fid-dettall dwar din il-liġi u insistiet li huwa minnu li d-drittijiet tal-akkużat ġew miksura u ddikjarat il-liġi inkwistjoni bħala waħda li tikser il-Kostituzzjoni.

Fil-fatt, hija ordnat biex il-proċeduri kontra Micallef ikunu aġġornati sakemm il-leġislaturi jemendaw il-liġi. Kien għalhekk li ordnat biex kopja ta’ din is-sentenza tingħata lill-Ispeaker u anke lill-Ministru għall-Ġustizzja.

More in Qrati u Pulizija