Spiteri ċempel lir-raġel ta' vittma ta' allegat fastidju sesswali u ħeġġu biex martu twaqqa' l-akkużi

Tkompli tinstema' l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Direttur tal-Infurzar fi TM akkużat b'fastidju sesswali 

Randolph Spiteri
Randolph Spiteri

Illum kompliet tinstema' x-xhieda fil-kumpliazzjoni tal-evidenza kontra Direttur ta' Infurzar ta' Transport Malta Clint Axisa, bl-akkużi jkunu illi Axisa kien jaqbad sider in-nisa li kienu jaħdmu l-uffiċċju u anke jkellimhom doppju sens. Iżda jirriżulta wkoll li kien hemm allegat attentat minn naħa tiegħu biex ir-rapporti li fetħu l-istess nisa jitreġgħu lura. Kien Arnold Cassola l-ewwel li indika l-akkużi f'ittra li kien kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela. Huwa kien allega cover-up, minħabba r-rabtiet mill-qrib ta' Axisa mal-Partit Laburista. 

Axisa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih illi uża l-pożizzjoni tiegħu meta kkometta att sesswali mhux kunsenswali ma' mara, li allegatament ffastidjaha u anke ssuġettaha għal att ta' intimità fiżika u għamel avvanzi sesswali li jistgħu jitqiesu bħala "offensivi, umiljanti, degredanti u intimidanti." 

Apparti minn hekk Axisa qed ikun akkużat ukoll illi allegatament bagħat lil nies biex jikkonvinċi lin-nisa jwaqqgħu l-każ kontrih, inkluż ħbieb ta' missier waħda mill-vittmi. 

Ir-raġel ta' waħda mill-vittmi, li jaħdem il-ħabs ukoll xehed illum u qal lill-Qorti illi martu kienet spjegatlu x'kien ġara u kif l-akkużat kien "ipprova jagħmel minn kollox biex hi tieħu lura l-akkużi." Jidher illi f'okkażjoni minnhom l-eks Kap ta' Operazzjonijiet fil-Ħabs ta' Kordin Randolph Spiteri kien ċempillu u donnu ta x'jifhem li jkun aħjar jekk jikkonvinċi lil martu twaqqa' l-akkużi. Spiteri qiegħed fuq leave wara akkużi ta' mġieba ħażina fil-konfront ta' ħabsin. 

Ix-xhud qal illi malli Spiteri induna li mhux jieħu gost bil-pariri li tah qallu biex jitkellmu aktar tard, filwaqt li hu immedjatament ċempel lil martu biex jgħarrafha x'kien qallu Randolph Spiteri. Hija ma aċċettatx li twaqqa' l-akkużi, bix-xhud jgħid li reġa' ċempel lil Spiteri u infurmah dwar id-deċiżjoni tagħha. 

Jidher li f'punt minnhom anke mart Axisa daħlet għad-difiża u ċemplet lill-allegat vittma tgħidilha biex ma tpattihiex lil żewġha u li hi taf x'raġel għandha. 

Membru tas-sigurtà u mara li jaħdmu ma' Axisa qalu lill-Pulizija li huma qatt ma raw lill-akkużat iġib ruħu ħażin u li dan huwa raġel tal-affari tiegħu, filwaqt li mara oħra li kienet taħdem fl-istess uffiċju tefgħet dawl ikrah fuq waħda mill-allegati vittmi

 

More in Qrati u Pulizija