Raġel, li kien imfittex fuq ġlieda f'Wied il-Għajn, ikkawża xi ġrieħi lill-Pulizija meta pruvaw jarrestawh

Dan ir-raġel kien imfittex wara li kien involut fi ġlieda li seħħet fi Frar li għadda u li kien ħarab mill-post

Investigazzjonijiet konġunti bejn il-Pulizija tad-Distrett ta' Bormla u tar-Rapid Intervention Unit (RIU) wasslu biex ilbieraħ instab u ġie arrestat Serb ta' 33 sena li kien qed jiġi mfittex b'rabta ma' feriment waqt ġlieda li seħħet aktar kmieni din is-sena. Il-każ seħħ nhar is-17 ta' Frar, 2022 f'stabbiliment fi Triq ix-Xatt, Wied il-Għajn. F'din il-ġlieda kien weġġa' gravi raġel ta' 29 sena minn Wied il-Għajn, bl-allegat aggressur ħarab minn fuq il-post. 

Wara investigazzjonijiet intensivi, ilbieraħ, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li l-persuna mfittxija kienet fi stabbiliment fi Triq ix-Xatt il-Gżira. Għaldaqstant, l-RIU b'mod immedjat marru fuq il-post u malli nduna bil-preżenza tagħhom ipprova jaħrab. Madankollu waqt li kien qiegħed jiġi arrestat huwa kien aggressiv fil-konfront tal-pulizija u anke rreżista l-arrest. Konsegwenza ta' hekk, erba' Pulizija sofrew xi ġrieħi u ngħataw assistenza medika fl-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief. 

Ir-raġel qed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Qrati u Pulizija