Il-Qorti tiddikjara li Aquilina kien fi stat ta' ġenn meta qatel lil Dembska... Id-deċiżjoni issa f'idejn l-AĠ

L-Avukat Ġenerali għandu żewġ għażliet quddiem il-fatt li wara li semgħet il-konklużjonijet ta' tliet psikjatri Abner Aquilina kien iddikjarat li qed isofri minn psikożi gravi

Tim ta' psikjatri informaw lill-Qorti illi Abner Aquilina - li jinsab akkużat bil-qtil tal-istudenta Pollakka Paulina Dembska - mhuwiex f'qagħda li jgħaddi ġuri. 

It-tliet psikjatri: Anthony Dimech, Anton Grech u George Debono llum qraw il-konklużjonijiet li waslu għalihom u li jgħidu illi Aquilina kien jinsab fi stat gravi ta' psikożi meta fil-fatt qatel lil Dembska u allura f'dan l-istadju mhuwiex fi stat li jgħaddi ġuri. 

Il-Psikjatri qalu illi huma tkellmu mal-akkużat f'ħames okkażjonijiet separati u li l-konklużjonijiet tagħhom kienu bbażati fuq il-fatt li Aquilina beda jesperjenza delużjonijiet u emozzjonijiet fl-imġieba tiegħu. Dan apparti l-mod kif iddeskriva l-omiċidju u l-istorja tiegħu ta' abbuż minn droga u sustanzi. 

Huma qalu li Aquilina għadu fi stat ta' psikożi u għadu qed ikollu delużjonijiet qawwijin. 

Għalhekk il-Qorti ddeċidiet illi l-akkużat kien fi stat ta' ġenn meta qatel lill-vittma bil-Maġistrat tordna li l-kumpilazzjoni tal-evidenza tinbagħat lill-Avukat Ġenerali li jrid jiddeċiedi jekk isirx dak li jissejjaħ ġurin, li fih ikun determinat kienx fi stat ta' ġenn jew le. Jew inkella l-każ jibqa' għaddej b'mod normali bil-kwistjoni tal-ġenn tiġi deċiża hekk kif ikompli jinstema'. 

More in Qrati u Pulizija