Argument fuq flixkun ilma jispiċċa f'argument bejn żewġ aħwa u daqqa ta' sikkina

L-inċdent seħħ nhar il-Erbgħa li għadda bejn is-7:00 p.m u t-8:00 p.m hekk kif l-aħwa kienu qed jieklu

Raġel kien akkużat illi weġġa' lil ħuh b'mod gravi wara li allegatament tah daqqa ta' sikkina waqt argument fuq flixkun ilma. Ir-raġel ta' 58 sena minn Ħal Qormi kien imressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke nhar il-Ġimgħa filgħodu u kien akkużat illi attakka lil ħuh u kkawżalu feriti gravi, iżda mingħajr l-intenzjoni li joqtlu. 

L-inċdent seħħ nhar il-Erbgħa li għadda bejn is-7:00 p.m u t-8:00 p.m hekk kif kienu qed jieklu, f'liema punt kellhom argument dwar flixkun ilma li spiċċa eskala sal-punt illi wieħed mill-aħwa ta' daqqa ta' sikkina lill-ieħor. 

L-Avukat Roberta Bonello - li qed tmexxi d-Difiża, informat lill-Qorti illi l-klijent tagħha ma kienx qed jammetti l-ħtija imma ma kienx se jitlob għall-ħelsien mill-arrest f'dan l-istadju. 

Il-Qorti għalhekk ordnat li l-akkużat jibqa' taħt il-kustodja tal-pulizija u ordnatlu biex ma jikkomunikax ma ħuh jew jersaq lejh jekk eventwalment jingħata l-ħelsien mill-arrest. 

L-Ispettur Eman Haymen qed imexxi l-Prosekuzzjoni. 

More in Qrati u Pulizija