366 kawża għadhom pendenti fil-Qorti tal-Appell. Kif se nsolvuha l-problema?

X’inhu jiġri fil-Qorti tal-Appell? Kemm hemm kawżi tal-Appell li ma humiex appuntati? Dawn il-kawżi pendenti, kif qed jaffettwaw lil klijenti? U għaliex għadhom pendenti? L-ILLUM titkellem ma’ avukat, kelliem tal-PN għall-Ġustizzja u eks Ministru…

“Dawn in-numri ma jirriflettux l-istampa kollha” hekk qal il-Kelliem għall-Ġustizzja tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina f’kumment li ta lill-gazzetta ILLUM fuq l-ammont ta’ każi pendenti fil-Qorti tal-Appell. Dan fid-dawl ta’ mistoqsija Parlamentari li għamel hu stess lill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard. Minn din il-mistoqsija irriżulta li fit-tliet sezzjonijiet tal-Qorti tal-Appell, jiġifieri Ċivili, Kriminal u Kummerċjali, hemm total ta’ 366 kawża li huma pendenti. Fl-ewwel sezzjoni hemm 109 kawżi, fit-tieni hemm 138 kawża u fit-tielet hemm 89 kawża pendenti.  

Aquilina spjega li mir-risposta li ħa, huwa jisħaq li aktarx dawk il-kawżi pendenti huma kawżi appuntati. Jgħid iżda li għad hemm numru ieħor ta’ kawżi li għadhom lanqas biss ġew appuntati, jiġifieri li għadhom mhux assenjati quddiem l-Imħallfin.  

“Aktarx li hemm ħafna iktar u jiena naf għax ikolli każi jiena stess. Uħud ilhom jistennew erba’ snin biex il-kawża tiġi appuntata. Meta tara dawk in-numri tinduna li l-Gvern mhux qed jindika n-numru propju iżda qed isemmi dawk li ġew appuntati,” saħaq Aquilina.  

Huwa stqarr li dan id-dewmien qed jaffettwa bi sħiħ lin-nies u din qed toħloq inġustizzji oħra. Jgħid li l-istennija qed toħloq inġustizzja fil-konfront ta’ min qed ifittex il-ġustizzja fil-Qorti.  

Mistoqsi x’għandu jsir biex jonqos dan id-dewmien huwa qal li mhux kull Qorti tal-Appell tisma’ l-każijiet kollha u għaldaqstant jemmen li s-sezzjonijiet fi ħdanha għandhom “verament jisimgħu l-każijiet quddiemhom, ikunu xi jkunu.” Dan apparti li jkun hemm Imħallfin dedikati biss għall-Qorti tal-Appell.  

“L-aktar lista’ ta’ stennija tkun fil-Qorti tal-Appell Kriminali Inferjuri” 

Min-naħa l-oħra l-avukat Stephen Tonna Lowell saħaq mal-ILLUM li l-aktar li hemm kawżi pendenti huma fil-Qorti tal-Appell Kriminali, Inferjuri.  

Il-Qorti tal-Appell Kriminali hi maqsuma fi tnejn, dik superjuri li titratta appelli fis-sentenzi tal-Qorti Kriminali u l-inferjuri, fejn ikun hemm numru “enormi” ta’ appelli mis-sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati. Huwa jisħaq li f’dak superjuri ikun hemm xi kawżi pendenti iżda mhux daqstant.  

“Ma taffetwax tajjeb li jkun hemm dewmien għax il-klijent meta jkollu kawża kriminali ħafna drabi, b’mod speċjali fl-appell, ikun irid li jintlaħaq it-tmiem tal-każ, ikun xi jkun ir-riżultat,” qal Tonna Lowell.  

‘Fil-Qorti tal-Appell inferjuri tneħħew għal kollox il-kawżi pendenti li kien hemm’  

Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ Edward Zammit Lewis, li sal-aħħar leġiżlatura kien il-Ministru tal-Ġustizzja. Huwa spjega li l-amministrazzjoni tal-kawżi tal-Qorti tal-Appell ma humiex f’idejn il-Ministru iżda f’idejn il-Prim Imħallef u dan biex “jiġi aċċertat li l-Qrati dejjem jibqgħu indipendenti u imparzjali.”  

Mistoqsi x’ħidma wettaq biex naqqas il-kawżi pendenti kemm dam Ministru huwa saħaq li fi “żmien rekord” l-awli kollha ġew diġitalizzati kompletament, bil-għan li l-kawżi jinstemgħu b’aktar ħeffa, “u eżempju ċar ta’ dan kien fi żmien il-pandemija.” 

Żied jgħid li saru wkoll emendi kruċjali fil-proċedura li tintuża fl-appell biex ma jkunx hemm dewmien inutli bi proċeduri aktar effiċjenti. Dan apparti li nħolqot sistema “fast-track” fejn ċertu kawżi sensittivi bħal dawk; Kostituzzjonali, appelli minn deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Familja u dawk li jistgħu jinħelsu aktar malajr jiġu appuntati mill-ewwel fl-appell.  

Semma’ wkoll li fi żmien li kien taħtu l-Ministeru, kien hemm allokazzjoni baġitarja “akbar u rekord għas-sena 2021-2022” lill-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati biex isaħħaħ l-ispalla amministrattiva tagħha.  

“Tajjeb li jingħad ukoll li fil-Qorti tal-Appell inferjuri tneħħa għal kollox il-backlog li kien hemm. Jiena dejjem tkellimt kontra dan id-dewmien għaliex anke l-ġustizzja tagħna trid tkun waħda li taqdi lin-nies u d-dewmien huwa forma ta’ inġustizzja fih innifsu,” temm jgħid Zammit Lewis.  

X’qalet l-MEP Olandiża Sophie in ‘t Veld?  

Waqt iż-żjara tagħha f’Malta l-Membru Ewro Parlamentari (MEP) Olandiża Sophie in ‘t Veld, li kienet qed tmexxi delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta, talbet biex il-Gvern Malti jħaffef il-pass fejn tidħol is-sistema tal-Ġustizzja, kemm għal kawżi normali u b’mod partikolari dak tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.  

In t’Veld li tagħmel parti mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew tisħaq fuq l-importanza li tispiċċa l-kultura tal-impunità, kwistjoni li kienet qamet fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista. Għal dan tgħid li din tirrikjedi l-attenzjoni sħiħa kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni.  

Fiż-żjara hija ltaqgħet mal-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, il-Ministru tal-Affarjiet Barranin Ian Borg u l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri. Hija qaltilhom li l-proċess ġudizzjarju kajman f’Malta għadu ta’ tħassib.  

More in Qrati u Pulizija