Erba' rġiel akkużati b'involviment fi ġlieda ma jinstabux ħatja hekk kif il-vittma ma jirrikonixxix min attakkah

Din il-ġlieda li seħħet f'diskoteka f'Paceville bdiet fuq kwistjoni ta' flixkun inbid li għeb minn fuq mejda

Ritratt mill-Arkivji
Ritratt mill-Arkivji

Żewġ Maltin u Żewġ Serbi ma nstabux ħatja li fl-2010 ikkaġunaw ġrieħi gravi fuq raġel ieħor f'diskoteka ġewwa Paceville fi Triq San Ġorġ, nhar it-12 ta' Ottubru 2010, għall-ħabta tas-2:15 AM. Dawn l-erba' irġiel ġew akkużati li bl-involviment fi ġlieda ma' raġel ieħor, li bdiet fuq flixkun inbid. Apparti minn hekk huma ma nstabux ħatja li ipprovokaw lill-vittma, kisru l-paċi pubblika, għamlu xi ħsarat fin-nuċċali u fuq ħsarat fuq 'chocker' tad-deheb (stamta b'valur ta' €2,100) li kellu fuqu l-vittma, li allegatament kienet misruqha minn xi ħadd minnhom, b'mod vjolenti. 

Kif bdiet il-ġlieda? Il-vittma jgħid li ma jagħrafx min attakkah 

L-allegat vittma kkonferma li kien mar diskoteka ma' sħabu u xtraw flixkun inbid. Huwa iddeċieda li joħroġ barra mid-diskoteka u meta reġa' daħal mal-mejda tiegħu u ta' sħabu innota li ma kienx hemm il-flixkun tal-inbid. Wara li staqsa lil sħabu u lill-wejter x'ġara minn dan il-flixkun il-Malti li kien involut f'dan il-każ, li kien il-maniġer, ħareġ minn wara l-bar. Huwa kompla jgħid li ma seta' jagħraf lil ħadd. Qal li wara li argumenta ma' dan il-maniġer marru fuqu żewġ gwardjani tas-sigurtà, li huwa jirrikonoxxi li kien wieħed mis-Serbi. 

Huwa ikkonferma li ma setax jgħid min kien li tah bil-ponn, imbagħad qal li l-gwardjani tas-sigurtà ħaduh sa' ħdejn it-taraġ tad-diskoteka u "remewh". Kompla jgħid li wieħed mill-akkużat Malti għolla l-flokk biex jindika fejn il-vittma kien gidmu. Kien hemm li l-gwardjan tah daqqa ta' ponn f'għajnejh il-leminija. Madankollu fix-xhieda tiegħu l-akkużat qal li kien fid-diskoteka fejn seħħ l-argument u ngidem meta ra kommossjoni. Huwa saħaq li mbotta lill-vittma biex jevita ġrieħi oħra. 

Il-vittma waqt il-kontro-eżami ikkonferma li qabel ma' marru San Ġiljan, fis-1 AM, kienu Marsaskala jieklu u jixorbu u ikkonferma li kien ikkonsma madwar tmien xarbiet alkoliċi. Tenna li ma jagħrafx kompletamnt l-akkużati u jekk kellhomx rwol fl-argument. 

Intant is-Surġent li kien fl-għassa dakinhar saħaq li kien ra raġel mimdud taħt il-bankina bid-demm ħiereġ minn wiċċu u rasu. Meta ipprova jitkellem mal-vittma, induna li kien mitluf minn sensih u kellu riħa ta' alkoħol. Kien l-għada meta ġie kkonfermat min kien il-vittma u skopra dwar l-argument li kien seħħ aktar qabel. 

Il-Qorti ma ssibx lill-akkużati ħatja

Il-Qorti saħqet li ma sabitx lil dawn l-erba' irġiel ħatja għal diversi raġunijiet fosthom; kif saru l-proċeduri min-naħa tal-prosekuzzjoni fejn kien hemm akkużi fil-każ ta' tnejn mill-irġiel - li huma ta' nazzjonalità Serbjana - kienu preskritti li l-akkużati ma kinux assistiti legalment waqt l-istqarrija tagħhom kif ukoll għan-nuqqas ta' kredibilità tal-allegat vittma, li dakinhar kien jinstab xurban. Intant il-Qorti nnutat li x-xhieda tal-akkużati kienet korroborata u konsistenti. 

Iż-żewġt irġiel Serbi kienu qegħdin jiġu mixlija wkoll li fl-istess data, ħin, post u ċirkostanzi ħadmu u kienu impjegati bħala gwardjani privati mingħajr il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti. Wieħed mill-irġiel Maltin kien qed jiġi mixli wkoll li sar reċediv. 

Intant fl-2010 tabiba kienet eżaminat lill-vittma u ħarġet ċertifikat mediku fejn kienet issuspettat ksur tal-kranju u għalhekk kien jindika ferita gravi u ġie rilaxxat minn l-isptar l-għada. Madankollu huwa ġie riferut għand speċjalista ta' widnejn, u tal-gerżuma (ENT) u optalmologu.

More in Qrati u Pulizija