Żewġt irġiel akkużati b'rabta ma' ġlieda li ħalliet lill-vittma bi ksur f'wiċċu u snien imtajrin

L-akkużati ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu u garanzija personali

Żewġt irġiel kienu akkużati b'rabta ma' ġlieda brutali f'bar fil-Ħamrun, liema ġlieda ħalliet lill-vittma bi ksur f'wiċċu kif ukoll snien imtajrin. 

L-akkużati, raġel ta' 35 sena minn Birkirkara u ieħor ta' 17-il sena, deheru quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkużati illi attakkaw u weġġgħu b'mod serju raġel matul dan il-lejl, għall-ħabta tas-2:00 a.m. 

Apparti dawn l-akkużi, l-Ispettur Andy Rotin li qed imexxi l-Prosekuzzjoni akkuża lill-irġiel illi kissru l-paċi pubblika, filwaqt li wieħed mill-akkużati jirriżulta li kien ukoll riċediv. 

L-Ispettur Rotin qal lill-Qorti illi l-vittma kien mar jagħmel rapport l-għassa wara illi qala' xebgħa għax kien qed jipprova jidħol fil-bar in kwistjoni.

L-irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi. 

L-Avukat Alexander Scerri Herrera, li qed jidher għal wieħed mill-akkużati, argumenta li l-irġiel jgħixu Malta u ma hemm ebda biża' li dawn jitilqu mill-pajjiż, għalkemm fakkar li l-Qorti tista' toħroġ ordni ta' protezzjoni li ma tippermettix illi huma jmorru l-Ħamrun. 

L-avukat Roberto Spiteri qal illi l-arrest kontinwu ta' dawn l-akkużati jippreġudika l-impjieg tagħhom. Huwa qal illi l-biża' tal-Prosekuzzjoni ma kinitx sostanztjata mill-evidenza u allura l-arrest tagħhom ikun inġust. Huwa qal li anke l-ħaddiema tal-bar issuġġerew li fil-fatt l-akkużati ma kellhomx x'jaqsmu mal-ġlieda. 

Għalhekk il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-irġiel, talbithom josservaw curfew u li jżommu 'l bogħod mill-Ħamrun. Huma intalbu jħallsu deopożiti separati ta' €1,000 u garanzija personali ta' €6,500. 

 

More in Qrati u Pulizija