Seraq aktar minn €12,000 mill-cash register u l-handbag tal-persuna li tħaddmu

L-akkużat jiffranka ikla ħabs wara li jwiegħed li jħallas dawn il-flus lura...

Raġel li ammetta illi seraq €12,211 minn min jimpjegah iffranka ikla ħabs wara illi wiegħed illi jirritorna l-flus lura.

Ir-raġel, li jaħdem f'ħanut fil-Belt Valletta, kien akkużat quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras sabiex iwieġeb dwar akkużi ta' serq aggravat.

 L-Ispettur Janetta Grixti qalet lill-Qorti illi sar rapport mill-għassa ta' Ħal Qormi minn mara li ppruvat tiddepożita l-flus iżda ma tħallietx tagħmel dan minħabba li l-ammont li kien qed jiġi ddepożitat ma kienx qed jaqbel ma' dak iddikjarat. Għalhekk il-mara marret minnufih lura l-uffiċċju u ċċekkjat il-filmati CCTV u hemmhekk rat lill-akkużat jieħu l-flus mill-handbag tagħha u anke mill-cashregister. L-Ispettur qalet illi s-serq seħħ f'aktar minn okkażjoni waħda. 

L-avukat tad-Difiża Josè Herrera talab għal sentenza sospiża li permezz tagħha l-akkużat ikun jista' tassew iħallas lura dawn il-flus. Il-Prosekuzzjoni qablet ma' dan. 

Herrera fakkar li l-akkużat ma għandux akkużi kriminali kontrih u kien ġej minn familja mkissra, kellu ċerta djun u kien għamel żball. L-avukat issuġerixxa li jkun appuntat uffiċjal tal-probation biex jassisti lill-akkużat jirrintegra lura fis-soċjetà. 

Il-Maġistrat innutat illi xi akkużi twaqqgħu filwaqt li l-akkużat kien ammetta l-ħtija, minn naħa l-oħra l-Qorti nnutat ukoll li r-reati huma ta' natura serja u għalhekk tat sentenza ta' sentejn ħabs sospiżi għal erba' snin, filwaqt li ordnatlu jirrifondi lura l-flus li seraq. 

 

More in Qrati u Pulizija