Immigrant jintbagħat seba' xhur ħabs wara li prova jaħrab minn Malta b'mod klandestin

Il-pjan kien li jaħrab ma' raġel ieħor iżda dan bidel fehmtu fl-aħħar minuta 

Yusuf Yahya Mustafa jintbagħat seba' xhur ħabs wara li ammetta li kien se jaħrab minn Malta b'mod klandestin, "biex ikollu futur aħjar". 

L-immigrant Sudaniż ta' 22 sena, ġie arrestat mill-pulizija fl-14 ta' April, wara li nqabad fuq vapur merakantili fil-Marsa mill-ħaddiema stess. Mustafa ġie Malta għall-ewwel darba f'Ġunju tal-2021 u kien qiegħed jgħix fil-kommunità wara li ġie rilaxxat miċ-ċentru ta' detenzjoni. 

Mustafa ammetta għall-akkuża miġjuba kontrih. L-avukat qal li l-akkużat għandu kondotta nadifa u li saħansitra f'dan il-każ ma kellu ebda intenzjoni li jikser il-liġi. Jgħid li l-għan ewlieni ta' Mustafa kien li jaħrab mill-pajjiż biex ikollu ħajja aħjar. 

Mistoqsi mill-Qorti jekk l-akkużat kienx ikoopera mal-pulizija, l-ispettur qal li huwa ammetta li kien għamel żball. Apparti minn hekk huwa stqarr li l-pjan kien li jaħrab ma raġel ieħor iżda dan kien bidel fehmtu fl-aħħar minuta. 

More in Qrati u Pulizija