L-Avukat ta' Adrian Agius jisħaq li l-klijent tiegħu qed jinżamm arrestat għax huwa 'Tal-Maksar'

L-Avukat saħaq li l-klijent tiegħu kellu 'l-isfortuna' li jkun imressaq il-Qorti flimkien ma' persuni akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, akkużi li hu mhux involut fihom

Avukat li qed jippreżenta lil Adrian Agius, magħruf bħala Tal-Maksar, fil-proċeduri kostituzzjonali li fihom qed jikkontesta l-arrest preventiv tiegħu, saħaq li se jkun qed juri kif Vince Muscat, il-Koħħu, gideb fix-xhieda tiegħu.

Insista li d-drittijiet tal-klijent tiegħu qed ikunu miksura u qed jinżamm arrestat sempliċiment minħabba l-laqam tal-familja tiegħu, jiġifieri Tal-Maksar.

Fi proċeduri separati, Adrian Agius qed iwieġeb mhux ħati li kien il-mandant tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ f’Ottubru tal-2015.

Agius, ħuh Robert u l-ħabib tagħhom Jamie Vella ġew arrestati fi Frar tal-2021 ftit wara li Muscat wieġeb ħati għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Adrian Agius fetaħ il-proċeduri kostituzzjonali hekk kif huwa għamel tliet talbiet għall-ħelsien mill-arrest u dawn ġew miċħuda minħabba l-gravità tal-akkuża u r-reazzjoni pubblika li tista’ tinħoloq jekk jingħata l-ħelsien.

Madanakollu l-Avukat qed jisħaq li dawn ir-raġunijiet mhumiex biżżejjed biex persuna tinżamm taħt arrest. 

Insista li l-klijent tiegħu kellu l-isfortuna li jitressaq il-Qorti flimkien ma’ persuni li huma akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fakkar li Adrian Agius qatt ma kien akkużat b’dan il-qtil.

“Huwa akkużat bil-qtil ta’ Carmel Chircop,” insista l-Avukat waqt li insista wkoll li l-ġuri kontra Agius jista’ jdum snin ma jibda u sadanittant qed jitlef diversi attivitajiet tal-familja, inkluż dawk ta’ uliedu.

Il-każ ikompli fis-16 ta’ Mejju.

More in Qrati u Pulizija