Żagħżugħ akkużat li sawwat lis-sieħba tiegħu li qed tistenna tarbija... B'lasta ta' xkupa

Kienu n-nies fit-triq li raw lill-mara twerżaq u bid-demm ħiereġ minn rasha li rrappurtaw il-każ lill-Pulizija

Raġel ta' 28 sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi illi sawwat lis-sieħba tiegħu b'lasta ta' xkupa waqt li kienet tqila u waqt ġlieda li kellhom fid-dar tagħhom fil-Belt Valletta. Id-difiża qed takkuża lill-mara - minn naħa l-oħra - illi attakkat lir-raġel b'imqass. 

Ir-raġel li huwa sewwieq ta' delivery u ħaddiem tas-sigurtà deher quddiem il-Qorti akkużat illi pprova jweġġa' b'mod serju lill-mara, li kkawżalha ġrieħi ħfief u li attakka lis-sieħba tiegħu waqt li din kienet tqila. 

L-Ispttur Eman Hayman qal lill-Qorti li kienu nies li nzertw fit-triq li ċemplu lill-pulizija wara li raw lill-mara taħrab mid-dar twerżaq u bid-demm ħiereġ minn rasha. 

Ir-raġel inżamm arrestat, fejn kien qal lill-Pulizija illi kien qed jipproteġi lilu nnifsu, fil-fatt huwa wkoll kien sofra minn xi feriti ħfief. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża' li l-akkużat jista' jbagħbas mal-evidenza, għalkemm l-Avukat Francesca Zarb li qed tidher f'isem ir-raġel qalet illi jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest huwa jmur jgħix ma' ommu, li fil-fatt kienet preżenti u kkonfermat dan billi pprovdiet ukoll l-indirizz tagħha. 

Il-Maġistrat Gabriella Vella - wara li semgħet is-sottomissjonijiet - aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest b'kundizzjoni li l-akkużat ma jagħmilx kuntatt max-xhieda, jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa u jibqa' jgħix ma' ommu. Huwa wkoll kien ordnat biex lanqas biss jidħol fit-triq partikolari fil-Belt Valletta fejn tgħix is-sieħba tiegħu.

L-akkużat kellu jħalls €1,000 f'depożitu u garanzija personali ta' €5,000. Kienet imposta wkoll ordni ta' protezzjoni fil-konfront tal-mara. 

 

 

More in Qrati u Pulizija