Jerġgħu jitolbu maħfra presidenzjali... lesti 'jitkellmu dwar eks Ministru li kien involut fil-qtil'

'Mhux biss ma ngħatawx smigħ ġust imma lanqas biss instemgħu' - L-avukat difensur

Iż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-aħwa George u Alfred Degiorgio, dalgħodu reġgħu talbu maħfra Presidenzjali bi skambju għal informazzjoni dwar l-involviment ta’ eks Ministru tal-kabinett fil-qtil, flimkien ma’ proċeduri Kostituzzjonali urġenti, li fiha qed jitolbu konsiderazzjoni mill-ġdid ta’ rifjuti tal-passat biex jagħtuhom maħfra bi skambju għall-informazzjoni.

Is-sit MaltaToday irraporta kif l-irġiel akkużati, kitbu lill-President George Vella, fejn talbuh jeżerċita l-prerogattiva tiegħu ta’ ħniena “ fid-dawl tal-fatt li huma lesti jikkoperaw bis-sħiħ u jipprovdu informazzjoni li hija vera, konfermabbli, kredibbli, dirett u li mhux smigħ.” Barra minn hekk, offrew li jiżvelaw il-moħħ u l-eżekutur fi qtil li għadu mhux solvut u żewġ bumbardamenti reċenti, li huma wkoll mhux solvuti.

'Mhux biss ma ngħatawx smigħ ġust imma lanqas biss instemgħu' - L-avukat difensur

Fir-rikors ippreżentat dalgħodu l-avukat tal-aħwa Degiorgio sostna li l-akkużati “mhux biss ma ngħatawx smigħ ġust imma lanqas biss instemgħu.” Huwa sostna wkol illi proċeduri fil-Qorti dwar drittijiet fundamentali tal-bniedem jistgħu mhux biss jiġu ppreżentati bħala riżultat tal-ksur tad-drittijiet, iżda wkoll b’antiċipazzjoni ta’ ksur probabbli.

“Dan mhux dak li ġara fil-każi tal-Maħfra Presidenzjali li ngħataw lil Melvin Theuma u lil Vincent Muscat,” qal filwaqt li insista illi ma kienx fl-interess nazzjonali jew tal-ġustizzja imma “l-verità, il-verità kollha u xejn ħlief il-verità għadha mhux magħrufa."

L-avukat talab lill-Qorti biex tiddikjara ksur tad-drittijiet tagħhom għal proċess ġust, jekk issir ir-rakkomandazzjoni biex tiġi miċħuda l-aħħar talba tagħhom għal maħfra Presidenzjali. Il-Qorti ntalbet ukoll tieħu passi biex tiżgura li dan ma jseħħx, inkluż billi tordna lill-akkużati jisimgħu x’għandhom xi jgħidu dwar il-maħfra qabel ma jieħdu xi deċiżjonijiet jew jagħmlu xi rakkomandazzjonijiet.

More in Qrati u Pulizija