Yorgen Fenech bi traċċi tal-kokaina sa' xahar wara l-arrest

L-avukat ta' Fenech jisħaq li użu kontinwu ta' kokaina jista' jaffettwa l-mod ta' kif wieħed jieħu d-deċiżjonijiet u saħansitra joħloq diżabiltajiet konjittivi

L-Avukati ta' Yorgen Fenech qalu lill-Maġistrat Edwina Grima li dakinhar tal-arrest tiegħu, kien għamel użu minn ammont sostanzjali ta' kokaina, tant li kien għalhekk li sabulu traċċi ta' kokaina xahar wara l-arrest tiegħu. Fenech deher daħkan isellem lil familtu, hu u dieħel fl-awla tal-Qorti. 

L-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran argumentaw li Fenech kien taħt l-influwenza tad-droga meta ġie interrogant l-ewwel darba u għaldaqstant l-istqarrijiet li għamel l-akkużat waqt din l-interrogazzjoni huma inammissibbli minħabba l-istat li kien jinsab fih. 

F' Novembru tal-2019, jiġifieri fl-istess żmien li kien taħt arrest, Fenech ittieħed l-isptar għaliex kien qiegħed isfori minn sintomi sekondari, effetti qawwija ta' meta persuna tieqaf tieħu d-drogi f'salt. Tant hu hekk li huwa kellu jingħata medikazzjoni qawwija. It-tabib Adrian Vella - li kien it-tabib ukoll ta' Keith Schembri - saħaq li l-akkużat kellu uġigħ f'sidru kawża tal-effetti sekondarji u kellu jintbagħat l-Isptar biex isirlu angiogram. 

"Fenech ittestja pożittiv għall-kokaina xahar sħiħ wara l-arrest tiegħu," qal Mercieca. Huwa żied jgħid li l-eks Direttur tal-Faċilità Korrettiva Alex Dalli, ikkonferma dan f'affidavit preżentat f'Strasburgu. Dalli kien stqarr li Fenech kien detenut bejn is-7 ta' Diċembru u l-11 ta' Jannar f'ċella waħdu, b'saqqu mal-art, mingħajr ebda kuntatt uman. 

Għalhekk Mercieca argumenta li, apparti l-implikazzjonijiet kostituzzjonali ta' kif ġie trattat Fenech, dan ifisser li waqt dan ix-xahar ta' iżolament, "ma kien qed jieħu l-ebda drogi iżda xorta ttesjta pożittiv." 

"Dan ifisser li l-awtoritajiet ħassew li Fenech kien fi stat tajjeb li jiġi nterrogat iżda li ma setax jiġi afdat waħdu. Il-Pulizija jitfgħuk il-ħabs jekk isibuk li kont qed issuq taħt l-influwenza tal-kokaina, iżda iriduna nemmnu li Fenech seta' jirrispondi b'mod ċar għal mistoqsijiet importanti?," irribatta Mercieca. Madankollu, meta mistoqsi mill-Maġistrat Edwina Grima, l-avukat ammetta li Fenech kien akkumpanjat u assistit minn żewġ aukati waqt l-interrogazzjoni. 

"Użu kontinwu ta' kokaina huwa assoċjat ma' diżabilità u inibizzjoni konjittiva, t-teħid ta' deċiżjonijiet u kwistjonijiet oħra", qal l-Avukat hu u jikkowta studju mediku. 

Intant, il-Maġistrat staqsietu jekk l-avukati li kienu qed jassistuh waqt l-interrogazzjoni kienux infurmaw il-pulizija dwar dan kollu. Għal dan huwa wieġeb li, "ma konniex nafu l-ammont ta' kokaina li kien għamel għamlu użu minnu."

More in Qrati u Pulizija