It-Topo quddiem il-Qorti dalgħodu wara li rrifjuta li jikxef il-kompliċi fis-serqa tal-HSBC fl-2010

Il-Qorti tagħtih il-ħelsien mill-arrest iżda ma jkollux biex iħallas id-depożitu u allura inżamm arrestat sa nhar it-Tnejn

Darren Debono (It-Topo)
Darren Debono (It-Topo)

Darren Debono magħruf bħala t-Topo kien imressaq quddiem il-Maġistrat Victor Axiak dalgħodu wara li lbieraħ irrifjuta, taħt ġurament, li jidentifika lill-kompliċi fis-serqa tal-HSBC fl-2010, minkejja li huwa għamel patteġġjament mal-Avukat Ġenerali sabiex jagħmel propju dan. 

L-Ispettur Mario Xiberras għajjat lil diversi xhieda, inkluż rappreżentanti tal-Qorti sabiex jixhdu dwar dak li intqal ilbieraħ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu li wkoll kien involut fis-serqa, fejn Debono mar lura minn kelmtu wara patteġġjament li kien se jarah jeħel 10 snin biss, basta jagħti l-informazzjoni meħtieġa. 

L-avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila li qed jidhru għal Debono talbu l-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjni toġġezzjona għal dan. 
Il-Qorti laqgħet it-talba u qalet illi għalkemm il-Prosekuzzjoni għamlet xogħolha u żammet lill-akkużat taħt arrest kif mistenni, wara li instmegħet ix-xhieda ma hemm ebda raġuni għaliex Debono għandu jinżamm iktar taħt arrest. 

Għalhekk il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €500 u garanzija personali ta' €5,000. L-avukat informa lill-Qorti illi l-akkużat ma kellux biżżejjed flus biex iħallas id-depożitu u allura reġa' nżamm taħt arrest sakemm tinqata' s-sentenza nhar it-Tnejn li ġej. 

More in Qrati u Pulizija