Wettaq b'€20,000 serqa u mar ibigħ l-oġġetti li seraq fuq facebook

Raġel inżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq oġġetti b’valur ta’ aktar minn €20,000 mingħand min kien iħaddmu

Raġel ta' 30 sena minn San Pawl il-Baħar, tressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-maġistrat Nadine Lia, akkużat b’serq aggravat. Ir-raġel inżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq oġġetti b’valur ta’ aktar minn €20,000 mingħand min kien iħaddmu.

Fil-Qorti, spettur tal-pulizija spjega kif l-oġġetti kienu ġew irrappurtati misruqa s-sena l-oħra iżda l-pulizija arrestat lir-raġel wara li poġġa l-oġġetti misruqa fuq Facebook Marketplace.

L-akkużat li issa qiegħed jaħdem bħala xufier tat-taxi, wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Minkejja li ġiet mitluba libertà proviżorja mill-avukat difensur, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat. Fakkret li r-raġel kien akkużat b’serq aggravat minn min iħaddmu. Kompliet tgħid li x-xhieda se jkunu eks-kollegi tal-akkużat u hemm riskju ta’ tbagħbis tal-provi.

L-Ispettur, min-naħa tiegħu żied li waqt l-investigazzjoni, l-akkużat ma kien ikkollabora bl-ebda mod mal-pulizija.

Ir-raġel kien ilu mal-kumpanija għal 10 snin mal-kumpanija meta "f’daqqa waħda sab ruħu jiffaċċja mandat ta’ tfittxija u arrest," qalet l-avukat difensur. Dan filwaqt li rrimarkat li l-allegat serq seħħ aktar minn sena ilu.

Il-Maġistrat hawnhekk staqsiet lill-ispettur għaliex ir-raġel kien ġie arrestat issa meta s-serqiet kienu seħħew is-sena l-oħra. "Ir-rapport tal-pulizija kien ippreżentat biss il-ġimgħa li għaddiet," wieġeb l-uffiċjal, "wara li l-oġġetti misruqa ġew innutati elenkati fuq Facebook."

Il-Maġistrat Nadine Lia, wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet u l-liġi applikabbli, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest fid-dawl tan-natura tax-xhieda li għad iridu jixhdu, sabiex jinżammu l-provi. Hija talbet lill-prosekuzzjoni biex issejjaħ dawn ix-xhieda kemm jista’ jkun malajr.

More in Qrati u Pulizija