'Jinża' għarwien, jgħidilna li għandu xitan u jordnalna ninżlu għarkupptejna'; Jixhed il-psikjatra dwar Abner Aquilina

L-inċertezza dwar jekk Aquilina huwiex f'qagħda biex jgħaddi ġuri kompliet tikber hekk kif l-akkużat reġa' ddaħħal Mount Carmel

X'ġara sa issa f'punti:

  • Abner Aquilina jerġa' jiddaħħal Mount Carmel 
  • Jixhed Psikjatra li jmexxi t-Taqsima Forensika ta' Mount Carmel
  • Aquilina ma jridx jieħu mediċina għax qed jgħid hekk li għandu xitan u ma hemmx kura għalih
  • Jinża' għarwien u jhedded lit-tobba li se juża poteri biex jagħmlilhom ħajjithom miżerja
  • L-Avukat tal-familja Dembska jqajjem dubju dwar l-atteġġjament tal-akkużat lejliet is-seduta
  • Jisħaq li ma hemmx biżżejjed raġunijiet biex Aquilina ma jgħaddix ġuri

Abner Aquilina, li qed ikun akkużat bl-istupru u l-qtil ta' Paulina Dembska, reġa' ddaħħal l-isptar Mount Carmel.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Aquilina kompliet dalgħodu, fejn xehed Psikjatra li qed jaħdem ma' Abner Aquilina, b'mod partikolari wara żviluppi li seħħew fl-aħħar jiem li tefgħu dubji fuq kemm l-akkużayt huwa f'qagħda biex jgħaddi ġuri.

Aquilina, li għandu 20 sena, tressaq il-Qorti f'Jannar u kien akkużat li fil-lejl ta' bejn l-1 u t-2 ta' Jannar, stupra u qatel lil Dembska, studenta Pollakka. Huwa kien ġie arrestat ftit tal-ħin wara li nstab il-katavru tal-istudenta. Madanakollu, l-interrogazzjoni tiegħu kellha tieqaf ħesrem hekk kif huwa ddaħħal l-isptar Monte Carmeli. Wara li ħareġ mill-isptar, l-interrogazzjoni kompliet u tressaq il-Qorti, fejn il-Maġistrat ordnat li jinżamm arrestat.

Jidher iżda li wara żviluppi fl-aħħar jiem, Aquilina reġa' ddaħħal l-isptar Mount Carmel. Fil-fatt, fil-bidu tas-seduta tal-lum, il-Qorti ddikjarat li lbieraħ, għall-ħabta tat-3pm, ġiet infurmata mill-uffiċjali tal-ħabs li Aquilina mhux se jkun jista' jidher quddiem il-Qorti hekk kif iddaħħal Mount Carmel.

Il-Psikjatra Joseph Saliba tela' jixhed biex jippreżenta lill-Qorti ċertifikat mediku li jikkonferma li Aquilina ma setax jattendi. Saliba huwa d-direttur kliniku tat-Taqsima Forensika tal-Isptar Mount Carmel.

'Jinża' għarwien, jgħidilna li fih xitan u jordnalna ninżlu għarkupptejna quddiemu'

Spjega kif l-akkużat qiegħed jirreżisti li jieħu mediċina li ngħatat lilu u li l-komportament tiegħu qed ikun stramb ħafna. Fost oħrajn qal li Aquilina qaxxar xagħru u ma jridx jieħu l-mediċina għax qed jinsisti li fih għandu xitan u li għalih ma hemmx kura.

Qal li fl-aħħar sigħat, hekk kif reġa' ddaħħal Mount Carmel, huwa tpoġġa taħt osservazzjoni kontinwa u tlibbes ilbies apposta biex ma jkunx jista' jagħmel ħsara lilu nnifsu.

Drabi oħra, kompla t-tabib, Aquilina neża għarwien u anke sadd it-toilet u mela l-kamra kollha ilma. Fil-fatt, biex jikkalma, kellhom jagħtuh tliet dożi ta' kalmant.

"Qed jheddidna u qed jgħidilna li għandu l-poteri biex jagħmlilna l-ħajja miżerabbli. Qed jgħid li jew għandu xitan fih jew li huwa x-xitan innifsu u li se jkun imsallab rasu 'l isfel," kompla jixhed it-tabib. "Dalgħodu kien għarwien u heddidna li juża l-poteri kontriha. Ordnalna biex ninżlu għarkupptejh quddiemu."

L-Avukat tal-familja jistaqsi jekk Aquilina jistax ikun afdat

Mistoqsi mill-Avukat li qed jirrappreżenta lill-familja tal-vittma, il-psikjatra saħaq li Aquilina kemm-il darba qal li għandu problemi ta' saħħa mentali. 

"Xi drabi qal li esaġera s-sintomi. Ġieli kien inkonsistenti," kompla x-xhud.

L-Avukat kompla jitfa' d-dubju fuq dak li seħħ fl-aħħar jiem u staqsa jekk huwiex stramb il-fatt li Aquilina reġa' beda jaġġixxi b'mod suspettuv ftit jiem biss qabel kellu jerġa' jidher il-Qorti.

Paulina Dembska
Paulina Dembska

Il-Qorti fakkret lill-Avukat li hija ħatret espert biex janalizza s-saħħa mentali tal-akkużat. Il-psikjatra Saliba wieġeb lill-Avukat li huwa mhuwiex l-espert tal-Qorti u r-responsabbilità tiegħu hija li jara li fit-Taqsima Forensika ta' Mount Carmel ma jweġġa' ħadd.

Saliba lanqas ma kien f'pożizzjoni li jwieġeb jekk l-akkużat hux se jdum f'Mount Carmel. Qal biss li l-każ huwa wieħed diffiċli ħafna.

'M'hemmx biżżejjed raġunijiet biex ikun iddikjarat li mhuwiex f'qagħda jgħaddi ġuri'

L-Avukat tal-familja Dembska kompla jisħaq li ma hemmx biżżejjed raġunijiet biex ikun iddikjarat li Aquilina mhuwiex f'qagħda jgħaddi ġuri.

Insista li l-ġustizzja trid issir waqt li saħaq li Saliba mhuwiex marbut legalment biex jagħmel dikjarazzjoni bħal din u appella biex id-deċiżjoni tittieħed minn espert indipendenti.

Aqra aktar hawn x'ġara fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni f'dan il-każ:

More in Qrati u Pulizija