Imwaqqa l-kawża ta’ gruppi pro-life kontra Charmaine Gauci fuq il-bejgħ tal-morning after pill

Dawn l-għaqdiet jemmnu li l-pillola hija abortiva u l-bejgħ tagħha tikser il-kodiċi kriminali u d-drittijiet umani

Il-Maġistrat Joseph Micallef waqqa’ l-kawża mressqa fl-2017 minn gruppi pro-life kontra l-bejgħ tal-morning-after pill. ‘Life Network Foundation’ u ‘Save the Embryo Protection Act (Malta)’ tellgħu lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci l-Qorti. Dan għaliex huma jemmnu li meta l-Awtorità tas-Saħħa tat l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ tal-kontraċettiv, kienet qiegħda tikser il-kodiċi kriminali li tmur kontra l-abort kif ukoll il-liġi favur il-protezzjoni tal-embrijun.

Dawn il-gruppi insistew li l-morning-after pill hija pillola li teqred kull tip ta’ ħajja li tinbed wara l-konċepiment. Il-Maġistrat saħaq li huma għamluha ċara li ma jridux li din il-pillola tibqa’ tinbigħ, “għaliex għandhom il-potenzjal li jkunu abortivi u għaldaqstant ikun hemm ksur evidenti tal-kodiċi kriminali, l-att favur il-protezzjoni tal-embrijun,  il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjoni fuq id-Drittijiet tat-tfal”. Huma argumentaw li tellgħu dan il-każ quddiem il-Qorti għall-interess tal-pubbliku bien jissalvagwardjaw il-ħajja.

X'inhu dan il-kontraċettiv? Għaliex m'huwiex abortiv? X'tgħidilna x-xjenza?

Il-morning-after pill huwa kontraċettiv ta' emerġenza u huwa mmirat għan-nisa. Essenzjalment, l-għan tagħha huwa biex jipprevejnu t-tqala. Dawk in-nisa li jagħmlu użu minnha għandhom ċans li taħdem jekk din tiġi kkunsmata madwar 72 siegħa wara l-att sesswali. Il-morning-after pill innifisha mhix pirmla abortiva, tista biss tipprevjeni t-tqala billi twaqqaf jew tittardja l-ovulazzjoni.

Sa Diċembru tal-2016, il-morning-after pill ma setgħatx tiġi mixtrija mill-ispiżeriji lokali, iżda issa hija disponibbli mill-ispiżeriji lokali mingħajr il-bżonn ta’ riċetta tat-tabib. Spiżjara jistgħu jirrifjutaw li jbigħulek din il-pirmla, iżda huma obbligati jinfurmawk dwar spiżjara oħra li jiddisponuha. 

Il-proċedura bejn l-ispiżeriji mhix uniformi, hemm min jistaqsi għall-aktar informazzjoni u hemm min jaqbad u jbiegħha bla ebda ħsieb. Il-Karta tal-identita tiġi mitluba kważi dejjem u  bħala professjonisti, l-ispiżjara kollha huma mitluba jaqdu lill-klijent mingħajr ġudizzju u jżommu kunfidenzjalità.

More in Qrati u Pulizija