Il-bastimenti tal-Captain Morgan inbidlitilhom ir-reġistrazzjoni bħala 'tax-xogħol' ftit qabel laqgħu l-immigranti fuqhom

Jixhed il-General Manager tal-Captain Morgan fil-każ kostituzzjonali kontra l-PM, il-Ministru tal-Intern u l-Avukat tal-Istat...

Il-General Manager tal-Captain Morgan Kevin Zammit Briffa qal lill-Imħallef Toni Abela illi l-bastimenti li kienu wżati biex fuqhom jinżammu detenuti mijiet ta' immigranti għal numru ta' jiem biddlu r-reġistrazzjoni minn bastimenti tal-passiġġiera għal bastimenti tax-xogħol, madwar l-istess żmien illi l-Gvern kien qabbad lil din l-istess kumpanija biex iżżomm lill-immigranti għal numru ta' jiem, bi ħlas mingħand l-istess Gvern. 

Huwa kien qed jixhed fil-każ Kostituzzjonali miftuħ minn Repubblika kontra l-Prim Ministru, il-Ministru tal-Intern u l-Avukat tal-Istat wara li 32 immigrant inżammu fuq il-baħar, bil-Gvern jirrifjuta li jdaħħalhom fil-pajjiż - bħala rispons għall-pandemija u allura l-fatt li l-portijiet kien ġew magħluqa. 

Zammit Briffa qal li l-bastimenti tħallew biss tliet mili lilhinn mill-kosta imma bil-permess ta' bastimenti tax-xogħol jkunu jistgħu joħorġu l-bastimenti barra mill-ibħra territorjali Maltin. Il-Gvern kien kera erba' bastimenti tal-Captain Morgan u użahom biex isalva u fuqhom iżomm immigranti. 

Kienu b'kollox 57 immigrant li ġew salvati mill-Bastiment Libjan Dar al-Salaam, bil-Gvern imbagħad iżomm lill-immigranti fuq dawn il-bastimenti 13-il mil nawtiku 'l barra mill-kosta Maltija. 

Mistoqsi kif kienet magħżula l-Captain Morgan, Zammit Briffa ma kienx jaf eżattament għalkemm qal li ma jemminx li kien hemm tender. 
 

More in Qrati u Pulizija