Il-Qorti terġa' taqtagħha kontra kumpanija li kienet tmexxi dar tal-anzjani fl-Imsida

... u tordna li tgħaddi parti mill-proprjetà li kienet tifforma parti mill-foyer tal-Marina Palace lura lis-sidien...

Il-Marina Palace, li kienet dar tal-anzjani
Il-Marina Palace, li kienet dar tal-anzjani

Il-Qorti ordnat kumpanija li kienet tmexxi dar tal-anzjani fl-Imsida sabiex tħalli parti mill-proprjetà li kienet tuża - u li kienet fil-foyer tal-binja -  u tgħaddiha lura lis-sidien. Il-Marina Palace, kellha l-liċenzja sabiex topera dar tal-anzjani revokata lura fi Frar, skont il-gazzetta tal-Gvern. 

Fl-2014 Mary u Pierre Zammit kif ukoll Nicolette Zahra kienu fetħu kawża kontra l-operaturi tad-dar A.C.K Ltd li fiha jispjegaw lill-Qorti illi huma kienu proprjetarji ta' ħanut fl-indirizz 7, Msida Seafront u ħafna snin ilu kienu daħlu fi ftehim verbali sabiex din il-proprjetà jsir tpartit tagħha ma' proprjetà li kienet ta' A.C.K. Għalkemm in-negozju fiżikament mexa, il-kuntratt ta' trasferiment baqa' qatt ma sar. 

Il-proprjetà in kwistjoni, kienet parti mill-foyer tal-Marina Palace Home.

Wara negozjati twal u diffiċli, il-partijiet qablu u daħlu f'konvenju illi permezz tiegħu l-kumpanija obbligat lilha nnifisha li tixtri dan il-ħanut, imma dan il-konvenju qatt ma kien konkluż, filwaqt li l-istess A.C.K injorat ittra ġudizzjarja li eseġiet illi tmur għall-iffirmar tal-kuntratt finali. 

A.C.K ċaħdet illi hija kienet qed tirrifjuta milli tidher għall-kuntratt, u qalet li hija lesta tagħmel dan sakemm tingħata "żmien raġonevoli" u bil-kundizzjoni li tirċievi €100,000 f'kumpens biex titlaq mill-ħanut. 

Il-Qorti kienet diġà ordnat lill-kumpanija tidher għall-iffirmar u taċċetta il-kundizzjonijiet stipulati fil-konvenju, liema deċiżjoni kienet appellata mill-kumpanija, minkejja li l-istess kumpanija qatt ma kienet tefgħet id-depożitu meħtieġ u marbut ma' dan l-appell u allura dan kien meqjus abbandunat u s-sentenza tal-Qorti kkonfermata. 

Is-sidien imbagħad kienu fetħu każ ieħor illi fih talbu li l-konvenju jkun iddikjarat bla effett jekk il-kumpanija tibqa' ma tiffirmax, filwaqt li A.C.K tkun kundannata tħallas il-prezz hekk kif stipulat fl-istess konvenju. Il-Qorti kienet laqgħet din it-talba, bl-Imħallef Lawrence Mintoff jordna l-iżgombru tal-kumpanija mill-proprjetà, b'din tingħata lura fl-istat oriġinali tagħha. 

A.C.K baqgħet tirreżisti u tgħid li l-proprjetà in kwistjoni hija marbuta mal-proprjetà tagħha, argument iżda li baqa' ma kienx aċċettat mill-Qorti.  

 

More in Qrati u Pulizija