Raġel jinstab f’pussess ta’ 14-il kilo kannabis, arma u eluf kbar ta’ flus kontanti

Irrifjutata t-talba għall-ħelsien mill-arrest għaliex l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin 

Ritratt tax-xena li sabu l-Pulizija
Ritratt tax-xena li sabu l-Pulizija

Raġel Taljan ta’ 26 sena, li joqgħod San Pawl il-Baħar, qiegħed jinżamm taħt arrest wara li nstab f’pussess ta’ madwar kilo kokaina u 14-il kilo kannabis minn proprjetajiet differenti. Dan ir-raġel ġie akkużat ukoll b'ħasil tal-flus.

Il-flus li ġew ikkonfiskati mill-Pulizija
Il-flus li ġew ikkonfiskati mill-Pulizija

L-Ispettur tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi Mark Anthony Mercieca qal fil-Qorti li dan ir-raġel kellu numru ta’ proprjetajiet u negozji f’Malta. Mercieca saħaq li ismu semma waqt investigazzjonijiet fuq traffikar ta’ droga. Għaldaqstant ilbieraħ wara nofsinhar, permezz ta’ mandat ta’ arrest, il-Pulizija waqqfu l-karozza tal-ġuvni, fi triqtu lejn in-Naxxar. Wara tfittxija estensiva tal-vettura, l-Ispettur Mercieca saħaq li nstabu qratas b’sustanzi llegali kif ukoll €20,000 fi flus kontanti. Intant, f’wieħed mill-garaxxijiet tiegħu nstabu madwar kilo kokaina f’kaxxa kif ukoll żewġ kilogrami kannabis u 500 gramma kannabis tat-tip reżina.

Minn evidenza jidher li dawn id-drogi bdew jitqassmu f’qratas separati, bil-għan li jinbiegħu. Instabu wkoll €4,000 mir-residenza tiegħu.

Fl-aħħar jiem f’garaxx fl-Imsida instabu 11-il kilogramma kannabis, tliet kilogrammi minnhom tat-tip reżina. Minn naħa l-oħra, llum instab garaxx ieħor fil-Qawra, fejn fih instabu traċċi ta’ kannabis u bagalja b’ €215,000 fi flus kontanti fiha. Jidher li f’dan il-garaxx instabu wkoll arma u munizzjon.

Bħalissa s-sieħba ta’ dan ir-raġel qiegħda tiġi invesitgata wkoll, filwaqt li l-pulizija qiegħda tiġbor aktar ċwievet ta’ proprjetajiet minn numru ta’ sorsi differenti. L-akkużat appella li mhuwiex ħati tal-akkużi filwaqt li l-avukati tiegħu Franco Debono, Marion Camilleri u Alex Scerri Herrera talbu għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu, din it-talba ġiet irrifjutata. Fl-aħħar, l-Ispettur Mercieca temm jgħid li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin filwaqt li saħaq li hemm ċans li persuni u proprjetajiet oħra jiġu identifikati.

More in Qrati u Pulizija