Sparati b'kollox 50 tir mill-pulizija fil-Mellieħa lejn karozza bis-suspettat fiha

Fil-Qorti jkompli jinstema' l-każ kontra żagħżugħ li qed ikun akkużat b'attentat ta' qtil ta' sitt membri tal-Korp tal-Pulizija 

L-akkużat jiġi arrestat fil-Mellieħa
L-akkużat jiġi arrestat fil-Mellieħa

Iktar minn 50 sparatura ġew sparati mill-Pulizija lejn karozza tar-raġel ta' 24 sena mill-Mellieħa - Aidan Bartolo - madwar gimagħtejn ilu, semgħet il-Qorti llum. Huwa kien qed jiġi mfittex mill-pulizija fuq akkużi relatati ma' drogi u armi, bil-pulizija jgħidu li l-akkużat kien qed jipprova jgħaddi minn fuq il-pulizija. 

Iż-żagħżugħ - li diġà ngħata l-ħelsien mil-arrest -  qed jiġi akkużat b'attentat ta' qtil ta' sitt membri tal-Korp tal-Pulizija li marru biex jinterċettaw il-vettura tiegħu. Wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija li kien qed isuq wara l-akkużat spjega kif hu spara 17-il darba, uffiċjal ieħor spara 13-il darba bl-uffiċjali l-oħrajn mhux ċerti kemm-il darba sparaw matul l-inċident li dam biss madwar 15-il sekonda. L-akkużat intlaqat f'saqajh, bl-uffiċjali jgħidu li kienu qed jimmiraw lejn saqajh. 

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri li qed jidhru għall-akkużat staqsew għaliex kellhom jiġu sparati daqstant tiri lejn il-karozza, "lanqas li kien xi tank tal-battalja dan!" Huma argumentaw illi Bartolo kien qed isuq lejhom għax kien qed jibża' u ried jaħrab, xi ħaġa li l-akkużat ukoll qal fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija. 

L-Uffiċjali qalu iżda illi huma ma jistgħux ikunu jafu bl-intenzjonijiet tiegħu u jistgħu jixhdu biss dwar l-azzjonijiet tiegħu. 

Wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija qal kif fil-mument li talbu lill-akkużat jieqaf, huwa dawwar il-karozza u dar ħażin madwar roundabout u kważi laqat uffiċjal tal-pulizija. Huwa insista li l-isparaturi kienu sparati lejh f'angolu baxx, bil-konsegwenza li ma kellhomx effett u hu baqa' jsuq. 

Għall-mistoqsija tal-avukat Debono dwar l-użu tal-forza, l-uffiċjali tal-pulizija qalu li huma jafu sew ir-regolamenti x'inhuma u huma jipproteġu lilhom infushom meta jkun hemm bżonn. 

L-akkużat, eventwalment, instab fil-Miżieb, fejn kien arrestat wara li kien hu stess li ċempel lill-għarusa tiegħu u qallha biex tinforma lill-pulizija dwar fejn kien jinsab. 

 

More in Qrati u Pulizija