Jinkixfu chats oħra: Bejn Yorgen Fenech u Ministru mill-Bangladexx u oħrajn ma' Pierre Portelli u eks Direttur fl-Electrogas

Jinkixfu aktar rabtiet ta' Yorgen Fenech, din id-darba ma' politiċi mill-Bangladexx u proposta għal negozju fil-Libja minn SOCAR

Fil-Qorti llum komplew jiġu żvelati chats li Yorgen Fenech  - akkużat bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia -  kellu ma' Ministru mill-Bangladexx, Salman Rahman. Kien l-Ispettur Kurt Zahra li llum beda jesebixxi numru ta' chats, fosthom waħda ma' dan il-Ministru, illi miegħu Yorgen Fenech kien ftaħar illi jaf lill-Prim Ministru ta' Malta (dak iż-żmien Joseph Muscat). 

F'chat minnhom Rahman jinforma lil Fenech li ġie appuntat fil-Kabinett bħala konsulent tal-Prim Ministru filwaqt li Zahra qal illi Fenech staqsieh biex jgħinu b'xi mod. 

Intant l-Ispettur Zahra qal fil-Qorti li Fenech kellu wkoll chats separati mal-eks Direttur Kummerċjali tal-Electrogas Catherine Halpin kif ukoll mal-eks Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli. Nhar is-26 ta' Jannar 2019, f'messaġġi ma' Portelli, Fenech kien qallu li Rahman huwa s-sieħeb tiegħu u li l-għada kien sejjer il-kapitali tal-Bangladexx.

Ma' Haplin, Fenech kellu kuntatt dwar proġetti f'Bangladexx, fosthom ta' housing soċjali, li fih huwa spjegalha d-dimensjonijiet ta' units tal-housing li kien se jibni. 

F'chats oħrajn mar-rappreżentant ta' Socar - il-kumpanija mill-Ażerbajġan li mingħandha l-Gvern intrabat li jixtri l-gass - Turab Musayev jgħid lil Fenech li għandhom jiddiskutu opportunitajiet ta' negozju fil-Libja. 

L-ispettur Zahra qal li l-investigazzjonijiet fuq dawn ic-chats u oħrajn li diġà ġew żvelati għadhom għaddejjin. 

More in Qrati u Pulizija