Kisser lasta ta' xkupa u sawwtha u għax kienet se titlob l-għajnuna sakkarha

Każ ieħor tat-tkexkix ta' vjolenza domestika quddiem il-Qorti - L-akkużat ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Raġel li jgħix iż-Żejtun ta' nazzjonalità Libjana nżamm taħt arrest b'ordni ta' Maġistrat wara li ġie akkużat illi sawwat lill-għarusa tiegħu b'lasta ta' xkupa u żammha kontra l-volontà tagħha. 

Ir-raġel - ta' 39 sena - deher quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras  wara li kien akkużat mill-Ispettur Audrey Micallef illi f'bosta okkażjonijiet iffastidja lill-għarusa tiegħu u heddidha bi vjolenza. Kien akkużat ukoll illi nhar l-4 u l-5 ta' Diċembru żamm lil mara kontra l-volontà tagħha, attakkaha, insultaha u heddidha filwaqt li kien akkużat ukoll illi huwa riċediv u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 

L-Ispettur talbet li l-Qorti tirrevoka l-ħelsien mill-arrest u tieħu l-€15,000 f'garanzija li ħallas, filwaqt li tassigura s-sigurtà tal-mara. 

Hija spejgat kif l-arrest tal-akkużat sar nhar is-6 ta' Diċembru wara li l-mara - li kienet ilha sentejn mal-akkużat - irrappurtatu lill-pulizija wara li beda jipprova jikkontrollaha aktar u jkun aktar vjolenti. Hija kienet qed tibża' minnu, speċjalment wara li allegatament kisser lasta ta' xkupa u beda jsawwatha biha. Meta marret tipprova ċċempel għall-għajnuna ħatfilha t-telefon minn idejha u ma ħallihiex titlaq mid-dar. 

L-akkużat wieġeb mhux ħati u qal lill-Qorti li ma għandux impjieg. 

Huwa kien diġà ġie akkużat bi vjolenza domestika kontra l-istess vittma. 

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tad-difiża u l-prosekuzzjoni il-Qorti ddeċidiet li l-akkużat għandu jibqa' taħt il-kustodja tal-pulizija għaliex ma kinitx sodisfatta li jista' jagħti l-garanziji meħtieġa filwaqt li teżisti l-biża' li jbagħbas mal-evidenza. 

 

More in Qrati u Pulizija