'Inti mhux tajjeb għall-mexxej bħal dak il-giddieb missierek' - Fenech Adami jaqra mill-ittri ta' theddid li rċieva

Beppe Fenech Adami, Ryan Callus u l-Professur Kevin Cassar jixhdu fil-każ ta' anzjan li qed ikun akkużat li kien jibgħat ittri ta' theddid lid-Deputati tal-Oppożizzjoni u uffiċjali pubbliċi

Raġel ta’ 71 sena mill-Belt Valletta li kien tressaq il-Qorti akkużat li bagħat diversi ittri ta’ theddid lil persuni pubbliċi, inkluż politiċi, ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-każ kontra dan ir-raġel kompla dalgħodu. Huwa qed ikun akkużat li bagħat ittri ta’ theddid lil diversi membri tal-Oppożizzjoni, inkluż lil Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi u Ryan Callus u anke lill-President ta’ Repubblika Robert Aquilina u lill-Professur Kevin Cassar, opinjonista. 

Fost oħrajn, dalgħodu xehdu Cassar, Fenech Adami u Callus.

Beppe Fenech Adami ppreżenta lill-Qorti żewġ ittri li rċieva fl-2016 u l-2017. Apparti minn hekk huwa rċieva diversi kopji tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Malta Tagħna Lkoll.”

Huwa qal li ilu fil-politika diversi snin u rċieva diversi ittri ta’ theddid u qatt ma rrapporta iżda f’dan il-każ kienu l-investigaturi li kellmuh.

Beppe Fenech Adami qal li mill-ittri huwa ċar li l-awtur kien qed isewgih għax kien ikun jaf fejn kikun, anke meta jmur il-quddies.

“Inti mhux tajjeb għall-mexxej l-istess bħal dak il-giddieb missierek,” kienet tgħid waħda mill-ittri. Saħansitra, l-ittri ġieli għamlu referenza għal meta kien marid.

Mistoqsi kif kien iħossu b’dawn l-ittri, Fenech Adami qal li għalih dan mhu xejn ġdid.

“Ta’ tnax-il sena kont qed naqbeż il-bjut biex naħrab lil dawk li kienu daħlulna d-dar,” insista Fenech Adami iżda saħaq li qatt ma jiftakar żmien fejn kien hemm daqshekk insulti fil-pubbliku qisu xejn mhu xejn.

“Tkun qed tistenna biex tiġbed il-flus mill-bank u jiġi xi ħadd minn warajk u jibda jinsulentak,” kompla jgħid.

Kompla jisħaq li fl-aħħar xhur kien hemm persuna li kienet qed tmur ħdejn id-dar tagħhom, f’ħinijiet strambi biex tigref il-karozzi ta’ uliedu. 

Xehed ukoll id-Deputat Ryan Callus li wkoll saħaq li l-awtur kien konxju tal-ħajja privata tiegħu għax kien isemmi ċertu dettalji li jikxu dan. 

“Għalxejn tmur tagħmel volontarjat barra minn Malta jekk kulma taf tagħmel huwa li tigdeb,” qara Callus minn waħda mill-ittri. Saħaq li hu kien iħoss li dan huwa attakk fuqu u fuq il-familja tiegħu.

Anke l-Professur Kevin Cassar xehed dwar il-kontenut tal-ittri u kif dawn ġieli waslulu Mater Dei u ġieli waslu wkoll id-dar tiegħu u kienu indirizzati lil martu. 

Fi kliemu, tant kemm kien iħossu ħażin meta kien jirċievu dawn l-ittri li ma kienx jiftaħhom waħdu u miegħu kien ikun hemm xi ħaddieħor li jaħdem miegħu. Qal li dwarhom ma kien jgħid xejn lill-martu u kien imur mill-ewwel għand il-Pulizija. 

Intant l-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija ta’ €10,000. Huwa ġie ordnat ma jersaqx lejn il-vittmi.

More in Qrati u Pulizija