Wieħed mill-aħwa tal-Maksar jiftaħ każ Kostituzzjonali u jgħid li d-drittijiet tiegħu qed jinkisru

Adrian Agius jgħid li r-raġuni ta' 'diżordni pubblika' biex ma jingħatax l-ħelsien mill-arrest mhijiex waħda valida...

L-avukat Carmel Chircop (xellug) u Adrian Agius (lemin)
L-avukat Carmel Chircop (xellug) u Adrian Agius (lemin)

Wieħed mill-irġiel li qed ikun akkużat bil-qtil tal-avukat Carmel Chircop u bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia fetaħ Każ Kostituzzjonali għax qed jgħid li d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq inkissru - meta l-Qrati semmew id-diżordni pubbika bħala raġuni li għaliha ma setax jingħata l-ħelsien mill-arrest. 

L-aħwa tal-Maksar Adrian u Robert Agius, flimkien ma' Jamie Vella u George Degiorgio kienu mressqa l-Qorti disa' xhur ilu. Adrian Agius qed jgħid li l-arrest tiegħu b'mod kontinwu huwa llegali. 

Agius qed jgħid li mhuwiex ħati li kkummissjona l-qtil ta' Chircop li inqatel b'tir fil-garaxx tiegħu f'Birkirkara. Agius u l-oħrajn qed jiffaċċjaw akkużi li qed jorbtu l-qtil tal-avukat, mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. 

Agius ifakkar li l-aplikazzjoni tiegħu għall-ħelsien mill-arrest li saret f'Mejju ma kinitx aċċettata minħabba l-gravità tal-akkużi. Applikazzjoni oħra saret f'Lulju imma ma kinitx milqugħa fuq il-bażi ili kienet "prematura", bil-Qorti ssemmi d-diżordni pubblika. 

Agius reġa' applika mill-ġdid f'Awwissu, bil-Qorti ma tagħtix dan il-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi illi jekk jinħeles jista' joħloq diżordni. 

L-Avukati ta' Agius kienu argumentaw illi din il-kwistjoni ta' diżordni pubblika ma kinitx tapplika u ma kinitx raġuni biżżejjed fil-Kodiċi Kriminali biex il-ħelsien mill-arrest ma jingħatax.

Huma semmew il-każ Letellier kontra l-Gvern Franċiż u sostnew li d-diżordni pubblika tista' tkun ikkunsidrata biss bħala raġuni, jekk tkun hekk fil-Liġi domestika. 

More in Qrati u Pulizija