Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fuq l-akkużi ta' ħasil ta' flus minn Yorgen Fenech

Fenech qiegħed jiġi akkużat b’ħasil ta’ flus u miżapproprazzjoni ta’ €45,000 minn fondi ta’ kumpanija li huwa sid tagħha flimkien maz-ziju tiegħu, Ray Fenech

Bħala parti mill-kumpilazzjoni ta’ xiedha kontra Yorgen Fenech quddiem il-Maġistrat, Donatella Frendo Dimech, persuna mid-dipartiment tat-taxxa qalet li l-kumpanija Technobet Ltd. kienet ilha erba’ snin ma tissottometti d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa.

Fenech qiegħed jiġi akkużat b’ħasil ta’ flus u miżapproprazzjoni ta’ €45,000 minn fondi ta’ kumpanija li huwa sid tagħha flimkien maz-ziju tiegħu, Ray Fenech.

Jidher li f’dan l-istess każ, allegatament, kien hemm erba’ persuni oħra li kienu fi sħab miegħu, permezz ta’ kumpanija, li hija fi sħab ma’ Tumas Group. Tumas Group saħqu li dan il-każ partikolari jirrelata ma' każ ta’ kumpanija li hi fi sħab magħha, Glimmer Limited. Dan f’rigward ta’ bonus ta’ €26,000.

Tumas Group spjega li dan il-bonus, ġie nterċettat u miġbur mis-sistemi ta’ konformità tal-kumpanija. Sussegwentement ġie ffirżat il-kont immedjatament segwit minn awditjar intern.  Sadanittant, f’Ottubru tal-2019, Glimmer ltd. itterminat kull operazzjoni tal-logħob u b’mod volontarju ċediet il-liċenzja tal-logħob, kienu qalu fi stqarrija Tumas Group. Huma ċaħdu li kellhom xi tip t’għarfien fuq l-allegat trasferimenti ta’ flus bejn individwi, li ġew akkużati mill-pulizija.

Minn naħa l-oħra x-xahar li għadda, f’digriet separat fuq il-qtil tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia, il-Qorti qalet li kellha biżżejjed evidenza biex Yorgen Fenech jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

X'intqal illum bejn il-ħitan tal-awla?

Fil-kumpilazzjoni kontra l-akkużat, illum tela’ jixhed rappreżentant tal-GO, li ntalab jagħti dettalji dwar erbgħa numri rreġistrati mal-kumpanija, numru ieħor kien irreġistrat ma' kumpanija oħra. Filwaqt li ppreżenta rapport, ir-rappreżentant informa l-qorti li d-data tal-internet tiġi maħżuna għal sitt xhur filwaqt li telefonati u messaġġi maħżuna għal sena, skont kif tgħid il-liġi. L-istess għamlu rappreżentanti tal-Melita u Epic.

Rappreżentanti ta’ banek lokali fosthom Bank of Valletta (BOV) u BNF Bank kienu parti mix-xiehda wkoll. Ir-rappreżentant tal-BOV, fetaħ protest ġudizjarju għaliex ma xtaqx li ċertu dettalji, fosthom numri ta’ kontijiet u l-bilanċi tagħhom, li jiġu ppublikati mill-ġurnalisti. Dan għaliex kien jemmen li dan “mhux professjonali”. Madankollu, l-Qorti ċaħdet milli twaqqaf il-ġurnalisti milli jirrapportaw dak kollu li kien qiegħed jintqal fi ħdan l-awla. Iżda, mumenti wara, l-Maġistrat irtirat dan kollhu u ordnat li d-data ma tiġix irraportata.

Il-Kap Operattiv (COO) ta’ Tumas Group, Jesmond Galea, qal li ma kien hemm ebda konnesjoni bejn Tumas Group u Glimmer Ltd. Jgħid li Tumas Group Ltd kien jipprovdi s-servizz tal-logħob tal-każino Oracle. Tumas Gaming Ltd. kienet sussidjarja ta’ Tumas Group u kienet topera l-‘Oracle’ u ‘Portomaso Casino’.

Rappreżentant mid-dipartiment tat-taxxa ppreżenta dokumenti relatati ma’ Technobet Ltd u d-dikjarazzjonijiet ta’ taxxi tagħha. Permezz ta’ assessjar fuq id-dikjarazzjonijiet, wera li l-ebda dikjarazzjoni ta’ taxxa ma ġiet sottomessa għal erba' snin sħaħ.

It-tim legali li jirrappreżenta lill-akkużat huma Charles Mercieca, Gianluna Caruana Curran u Marion Camilleri. Minn naħa l-oħra mill-uffiċċju tal-Avukat ġenerali hemm Cinzia Azzoppardi Alamango u Marthese Grech flimkien mal-Ispettur Brian Camilleri.

Is-seduta li jmiss se tkun nhar il-Ħamis, 28 ta’ Ottubru f’nofsinhar, filwaqt li seduta oħra se tkun nhar it-Tlieta 2 ta’ Novembru, fis-siegħa ta’ wara nofsinhar.

 

More in Qrati u Pulizija