Taħrab minn pajjiżha wara li sħabha 'sparixxew'; Se titlob il-protezzjoni wara li spiċċat f'Malta

Każ delikat spiċċa quddiem il-Qorti wara li tfajla ta' 16-il sena li ħarbet il-persekuzzjoni f'pajjiżha ġiet arrestata għax kienet qed tuża passaport misruq

Tfajla ta' 16-il sena, ċittadina ta' pajjiż tal-Lvant Nofsani, tressqet il-Qorti f'Malta u nstabet ħatja li użat passaport misruq biex taħrab lejn l-Ewropa minħabba l-persekuzzjoni.

Fil-Qorti nstema' kif kienu qraba tal-istess tfajla li għenuha biex taħrab mill-pajjiż wara li membri oħra ta' grupp li kienet tagħmel parti minnu "sparixxew."

Il-każ huwa simili għal dak taż-żewġ ommijiet Torok li tressqu l-Qorti akkużati li użaw dokumenti foloz meta pprovaw jaħarbu lejn l-Ewropa mill-persekuzzjoni tal-President Tork Erdogan. Anke dawn kienu parti minn grupp li l-membri tiegħu kienu mfittxija mill-awtoritajiet.

"Dan huwa każ ġenwin u hija tifla vulnerabbli," spjega l-Ispettur Frankie Sammut lill-Maġistrat Josette Demicoli.

Jidher li t-tfajla ġiet arrestata fl-ajruport wara li kien hemm rapport li passaport Daniż kien ġie misruq.

"Dan huwa każ delikat," saħaq l-Avukat tad-Difiża Benjamin Valenzia. Huwa informa lill-Qorti li t-tfajla se tkun qed tapplika għall-ażil biex tingħata l-protezzjoni wara li dak li seħħ lil sħabha.

L-Ispettur Sammut qabel mad-Difiża u insista li anke jekk importanti li jkun hemm "uniformità" fl-għoti tas-sentenzi, kull każ irid jittieħed b'mod separat.

"Lanqas kienet taf li kienet f'Malta. Fil-fatt meta ġiet arrestata staqsiet fejn tinsab," spjega l-Ispettur.

Jidher li t-tfajla kienet qed tittama li tingħaqad mal-bqija tal-familja tagħha fl-Ewropa.

Il-Maġistrat innutat li t-tfajla kienet fi stat ta' xokk tant li qaltilha li ma għandhiex għaliex tibża għax l-awtoritajiet kienu se jieħdu ħsiebha.

Osservat ukoll li f'dan il-każ, kemm il-prosekuzzjoni u anke d-difiża qablu li t-tfajla ma tingħatax sentenza effettiva ta' ħabs.

It-tfajla wieġbet ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha wara li ngħatat ċans titkellem mal-avukat tagħha li spjegalha l-akkużi u anke r-riperkussjonijiet.

Hija ngħatat sentenza ta' xahrejn ħabs sospiżi għal tmien xhur.

L-Assoċjazzjoni li tħares lil dawk il-persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil se jkunu qed jassistu lit-tfajla.

La isem it-tfajla u lanqas il-pajjiż ma jistgħu jissemmew fuq ordni tal-Qorti.

More in Qrati u Pulizija