L-Istat ordnat jagħti €560,000 f'kumpens lil sid ta' proprjetà fi Triq Merkanti fil-Belt Valletta

F'deċiżjoni oħra minn sensiela, il-Qorti saħqet li l-liġi tal-kera kif inhi qed tikser id-dritt tas-sid milli jgawdi l-proprjetà tiegħu

Il-Gvern kien ordnat iħallas aktar minn nofs miljun ewro bħala kumpens lil sid ta’ proprjetà kummerċjali fil-Belt Valletta u dan għax kien qed ikun miċħud mid-dritt tiegħu li jgawdi l-proprjetà tiegħu, sitwazzjoni kkawżata minħabba l-liġi dwar il-kirjiet antiki.

Quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff, fil-Qorti nstema’ kif il-proprjetà fi Triq Merkanti kienet mikrija fl-1964 għal LM400 fis-sena u proprjetà oħra li tmiss magħha fi Triq San Pawl għal LM100 fis-sena. Is-sidien la setgħu jżiedu u lanqas jitterminaw il-kirja.

Fl-2009 kienu daħlu fis-seħħ emendi fil-liġi u l-kirja żdiedet bi 15% sal-2013 u mbagħad b’5% mill-2014. Minkejja dan il-Qorti ddeċidiet li bl-emendi li l-Gvern daħħal fis-seħħ fl-2019, l-Istat naqas milli jħares id-drittijiet tas-sidien.

Il-kirja fl-2019 kienet ta’ €2,599.90 u kienet titħallas kull sitt xhur bil-quddiem. Madanakollu, bil-prezz tas-suq, il-kirja kellha tkun ħafna aktar.

L-Imħallef saħaq li l-leġiżlatur għandu l-obbligu jassigura li kull miżura li jintroduċi toħloq bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u dawk tal-inkwilin. 

Insista li l-emendi msemmija offrew ftit li xejn lis-sid li jista’ jieħu l-proprjeta lura fl-2028, wara 60 sena.

Apparti minn hekk, l-Imħallef innota kif il-familja li kienet qed tikri dan il-post ittraskuratu u llum nieżel biċċiet.

B’kollox, l-Istat qed ikun ordnat iħallas €560,000 lis-sid.

Temm jisħaq li minħabba li din il-liġi kienet qed tikser id-drittijiet fundamentali tas-sid, l-inkwilini ma jistax jibqa’ jiddependi fuq il-liġi biex jibqa’ jokkupa l-proprjetà.

More in Qrati u Pulizija