Student jiffilmja lilu nnifsu jagħmel abbuż sesswali verbali fuq l-għalliema tiegħu fil-klassi

Dan il-filmat qed idur fuq il-midja soċjali u l-MUT għamlet rapport lill-Pulizija

Il-Unjin Maltija tal-Għalliema qalet li tinsab f'kuntatt mal-awtoritajiet dwar filmati li qed ikun imxerred fuq il-midja soċjali u li fih student jiffilmja lilu nnifsu jagħmel abbuż sesswali verbali fuq l-edukatur waqt li kien fil-klassi quddiem sħabu.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li qed tiddeplora dan l-abbuż, kemm fuq l-edukatur u anke fuq sħabu l-istudenti.

"Il-union tistenna rispett lejn l-edukaturi u ma tittollera l-ebda tip ta’ abbuż," kompliet l-istqarrija.

Fid-dawl ta’ dan, l-MUT għamlet rapport lill-pulizija rigward dan il-filmat u talbet investigazzjoni mill-aktar fis mill-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Aktar informazzjoni hekk kif ikun hemm żviluppi.

Il-Minsitru Justyne Caruana titlob li tittieħed azzjoni 

Intant, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana talbet lis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni biex issir investigazzjoni dwar il-każ u wara jittieħdu l-passi dixxiplinarji li l-każ jeħtieġ.

"Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li ma tittollera ebda abbuż, tkun xi tkun il-materja tiegħu, lejn l-edukaturi li b’tant dedikazzjoni u impenn qed jieħdu ħsieb l-edukazzjoni ta’ wliedna," qalet l-istqarrija.

More in Qrati u Pulizija