Mowbajls u ammonti kbar ta' flus kontanti fost l-affarijiet li nstabu fid-djar tal-aħwa tal-maksar

... fid-dar ta' Robert Agius instabet ukoll arma rreġistrata - revolver tat-tip Luger

Ix-xena tad-delitt - L-aħwa tal-Maksar akkużati li fornew il-bomba
Ix-xena tad-delitt - L-aħwa tal-Maksar akkużati li fornew il-bomba

Numru ta' armi rreġistrati u eluf fi flus kontanti kienu instabu fid-dar ta' Robert Agius  - wieħed mill-aħwa tal-Maksar, li kienu arrestati b'rabta mal-fornitura tal-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia lura fl-2017. 

Dan ħareġ fil-Qorti illum hekk kif kienet għaddejja l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa Adrian u Robert Agius, Jamie Vella u George Degiorgio b'rabta mal-qtil tal-avukat Carmel Chircop u anke dak ta' Caruana Galizia. 

Uffiċjali tal-pulizija xehedu kif meta l-aħwa Agius u Vella kienu arrestati saru tfittxijiet fid-djar u vetturi tagħhom u nstabu mowbajls, starter packs tal-mowbajls, ammonti kbar ta' flus kontanti u fil-każ ta' Robert Agius revolver tat-tip Luge u munizzjon. 

Il-każ se jkompli nhar il-11 ta' Mejju.  

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qed tippresiedi l-każ, filwaqt li l-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin deheru bħala d-difiża tal-aħwa tal-Maksar.  L-avukat William Cuschieri qed jidher għal Degiorgio, filwaqt li l-Ispetturi Keith Aranud, Shawn Pawney u Wayne Camilleri qed imexxu l-prosekuzzjoni. 

L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile għall-familja ta' Daphne Caruana Galizia filwaqt li Vince Galea qed jidher għall-familja Chircop. 
 

More in Qrati u Pulizija