Jinfetaħ protest ġudizzjarju biex Cutajar u Farrugia jħallsu €89,000 lil sid proprjetà fl-Imdina

Joseph Camilleri minn Green Eyes Ltd jiftaħ protest ġudizzjarju biex jieħu lura flus li Cutajar allegatament ħadet minn senserija għal Yorgen Fenech

Is-sid tal-proprjetà fl-Imdina f'nofs kontroversja minħabba allegati flus f'senserija li ħadet l-eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u l-assistent tagħha Charles Farrugia magħruf bħala t-Tikka, fetaħ protest ġudizzjarju sabiex jingħata lura €89,000 fi flus li hu qed jgħid li huma daħħlu f'buthom. 

Cutajar kien allegat illi serviet ta' sensara għal Yorgen Fenech f'xiri ta' din il-proprjetà, liema xiri waqa' malli Fenech kien ġie arrestat b'konnessjoni mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  L-eks Segretarju Parlamentari qed tkun akkużata wkoll illi hi ma ddikjaratx dan id-dħul u li ma għaddietx lura l-flus minn din is-senserija meta l-konvenju waqa'.

Il-konvenju kien iffirmat f'Mejju 2019 f'Portomaso u Fenech kien ħallas depożitu ta' €300,000 fi flus kontanti, dan ifisser illi meta Cutajar allegatament kienet is-sensara ta' Fenech kien diġà żvelat illi dan kien sid 17 Black u li f'din il-kumpanija għaddew flus mill-Ażerbajġan u allegatament mill-aġent tat-Tanker tal-LNG f'Delimara.  Kien żvelat ukoll li din il-kumpanija kienet marbuta bħala Target Client ma' Tillgate u Hearnville, il-kumpaniji mhux iddikjarati fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Dan il-protest infetaħ minn Joseph Camilleri minn Green Eyes Limites. 

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Qrati u Pulizija