'David Gatt staqsieni kemm se ndumu biex noqtluha lil Daphne ... Degiorgio qalli li Gatt tal-Kasco'

Il-Koħħu jixhed dwar inkontru bejnu u George Degiorgio ma' David Gatt, li kien jaħdem fl-uffiċċju ta' Chris Cardona

Fix-xhieda taħraq fil-Qorti llum, li fiha kien qed jixhed Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu, jirriżulta illi wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia l-avukat li kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-eks Ministru Chris Cardona, David Gatt, kien mar il-Marsa, fit-tinda tal-patata fejn Muscat kien qed jieħu kafe.  Malli wasal Gatt għamel sinjal ta' approvazzjoni (thumbs up) b' George Degiorgio jdur fuqu u jistaqsi:  "X'qed jagħmel?" u Muscat iwieġeb, "jiena naf!"  Degiorgio jerġa' jwieġeb u jgħid hekk lil Muscat:  "Taf min qallu (lil Gatt)?  Keith il-Kasco.  Aħna ħsibna li kien Cardona, imma kien Keith il-Kasco," xehed Muscat. 

Il-Koħħu qal illi fehem li dan is-sinjal bl-idejn fil-fatt kien ifisser li Keith kien "in-number one ta' Malta".  Muscat jgħid illi George Degiorgio kien qallu illi Gatt huwa "tal-Kasco".

David Gatt kien diġà ssemma' fix-xhieda ta' Melvin Theuma meta dan spjega li Gatt kien bagħat messaġġ illi fih qal li jekk l-aħwa Degiorgio jitfgħu l-ħtija fuq Cardona joqtolhom.  Theuma kien xehed hekk: "Iva. Mario Degiorgio darba semma' lil David Gatt u qalli li sakemm ikun hemm il-ġuri, irid jipprepara 400. David Gatt kien bagħat messaġġ ma' xi ħadd li jekk l-aħwa Degiorgio jitfgħu l-ħtija fuq Cardona, kien joqtolhom," kompla jixhed Theuma. Kompla jgħid li darba, meta kienu fil-vann tal-ħabs, uffiċjali tal-ħabs semgħu lill-aħwa Degiorgio jiftehmu biex jitfgħu l-ħtija fuq Cardona.

Il-Koħħu jindika ċar illi kien hemm pjan relatat mal-arrest.  "Suppost kelli mmur hemm, niġi arrestat u jumejn wara jeħilsuni għax ma jsibu xejn dwari.  Alfred qal illi probabilment se jitfugħa fuq George," xehed il-Koħħu. Hu jirrakkonta kif kienu waslu il-Marsa fis-7:00 a.m u hu beda jħossu skomdu, "u f'daqqa waħda nisma' s-sireni."

Muscat illum żvela wkoll fix-xhieda tiegħu illi Alfred Degiorgio kien qallu biex iwasslu Kastilja bejn erba' u ħames darbiet biex jiltaqa' ma' Cardona. Xehed ukoll li l-istess Alfred Degiorgio kien qallu illi kien l-eks Ministru li kien qed jgħarrafhom dwar ir-rejds. 

More in Qrati u Pulizija