Theuma jitla' għalxejn il-Qorti; L-Avukat tal-aħwa Degiorgio jrid li l-ewwel jinstemgħu r-recordings kollha

Għalhekk il-każ ġie pospost għat-3 ta' Frar

Melvin Theuma
Melvin Theuma

Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, tela' għalxejn jixhed il-Qorti fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Dan hekk kif ix-xhieda tiegħu kellha tiġi posposta minħabba battibekk legali dwar ir-recordings li l-istess Theuma kien ħa meta kien ikun ma' Yorgen Fenech, l-allegat mandant.

L-Avukat William Cuschieri, li qed jidher għal George u Alfred Degiorgio insista li qabel il-kontro eżami tax-xhud, għandhom jinstemgħu r-recordings kollha, kif ġara fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech.

Theuma reġa' tela' jixhed wara li psikjatri infurmaw lill-Qorti li dan seta' jseħħ, hekk kif ix-xhieda tiegħu kellha tintemm ħesrem wara li kien pprova jagħmel suwiċidju.

Il-Qorti insistiet li qabel tiddeċiedi dwar dan trid tisma' l-fehma tal-Avukat Mark Sant, li qed jidher għal Vince Muscat u li bħalissa jinsab f'iżolazzjoni. Għalhekk il-każ ġie pospost għat-3 ta' Frar.

Fl-aħħar seduta, l-akkużat George Degiorgio kiser is-silenzju meta qabad jgħajjat fil-Qorti kontra l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, l-Avukat Ġenerali u anke l-Avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi. Hu qed jakkużahom li qed jiksru d-drittijiet tiegħu.

L-Avukat Jason Azzopardi għamel referenza għal dan fis-seduta tal-lum, bl-Avukat William Cuschieri jisħaq li ma kien hemm l-ebda theddid fil-konfront tiegħu.

More in Qrati u Pulizija