Mara tinħataf mir-residenza tagħha fl-Imsida; Binha rrikattat għal somma flus

B’rabta ma’ dan il-każ, ġew arrestati żewġt irġiel ta’ nazzjonalità Libjana ta’ 43 u 36 sena u tfajla Maltija ta’ 22 sena.

Tliet persuni ġew arrestati wara li allegatament ħatfu mara mid-dar tagħha u rrikattaw lil binha biex jagħtihom il-flus.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat kif is-Sibt il-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Reati Maġġuri, tad-Distrett tal-Imsida u tar-Rapid Intervention Unit (RIU) kienu nvoluti f'ħidma wara li mara ta' 50 sena mil-Lebanon, nħatfet mir-residenza tagħha fl-Imsida. Hija nstabet qawwija u sħiħa f’appartament f’Buġibba.

B’rabta ma’ dan il-każ, ġew arrestati żewġt irġiel ta’ nazzjonalità Libjana ta’ 43 u 36 sena u tfajla Maltija ta’ 22 sena, li allegatament ħatfu lil mara. 

Kien is-Sibt li għadda, f'xi 7:00pm meta l-Pulizija rċeviet telefonata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija  minn raġel jirrapporta li Libjan għamel kuntatt miegħu u heddu li jekk ma jħallasx somma flus, mhux se jara iżjed lil ommu. 

Investigazzjoni min-naħa tad-Distrett irriżulta li l-mara nħatfet mir-residenza tagħha u minnufih bdiet tfittxija għaliha, kif ukoll għall-persuni li ħatfuha. L-investigazzjoni wasslet biex is-Sibt stess, fl-10:00am, żewġ Libjani ġew arrestati mill-Pulizija tar-RIU f’Tas-Sliema. Ftit wara l-11:00pm, il-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Reati Maġġuri u tar-RIU, sabu lil mara, li kienet qiegħda tinżamm mit-tfajla Maltija f’appartament fi Triq Barnaba, f’Buġibba. 

It-tliet persuni arrestati ttieħdu l-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana, waqt li l-vittma ngħatat kura f'ċentru tas-saħħa.

Il-vittma qiegħda tingħata wkoll assistenza mill-Victim Support Unit tal-Korp tal-Pulizija. 

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali. 

It-tliet persuni se jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit

More in Qrati u Pulizija