36 vettura, €60,000 u 15-il persuna arrestati f'jumejn b'rabta ma' ħasil ta' flus

... u ma' dawn 15-il kumpanija marbuta ma' wħud minn dawk arrestati - fosthom Gordon, Yvette u Darren Debono -  akkużati b'ħasil ta' flus

Gordon Debono jitressaq il-Qorti
Gordon Debono jitressaq il-Qorti

Diversi xhur ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji wasslu biex bejn nhar il-Ħadd 22 ta’ Novembru u t-Tlieta 24 ta’ Novembru ġew arrestati 15-il persuna, minn diversi lokalitajiet madwar Malta.

Waqt din l-operazzjoni l-Pulizija elevat 36 vettura, €60,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludu fost oħrajn mobiles, kompjuters u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin, ħamsa mill-persuni arrestati tressqu quddiem il-Qorti, akkużati b’ħasil ta’ flus u reati oħra. It-talba ghall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-Qorti u qed jinżammu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Tnejn mill-ħames minn nies imressqin il-Qorti diġa' huma Gordon Debono u martu Yvette, fuq akkużi ta' ħasil ta' flus li jlaħħaq il-miljuni kbar ta' ewro.  Irriżulta li dawn it-tnejn huma marbutin ma' 11-il kumpanija, li huma: Hi-Low Properties Ltd, Petroplus Ltd, KB Investments Ltd, KB Lines Ltd, Seabrass Ltd, Petrobunkers Ltd, Oil and Ship Ltd, Gorge Ltd, S-Cape Yacht Charter Ltd, S-Cape Ltd and Yves Ltd.

Intant tressqu l-Qorti wkoll - nhar it-Tlieta filgħaxija - l-eks footballers Darren Debono u Jeffrey Chetcuti, filwaqt li ġie arrestat Arthur Azzopardi, li nħeles fuq police bail. 

Ma’ dawn il-ħames persuni, tressqu l-Qorti wkoll 15-il kumpanija akkużati b’reati ta’ ħasil ta’ flus. Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi kemm tal-persuni naturali kif ukoll dawk legali.

Dawn l-investigazzjonijiet qed jiġu koordinati ma’ msieħba barranin, inkluż il-Europol, kif ukoll entitajiet Amerikani, Taljani u Ingliż

More in Qrati u Pulizija