Yorgen Fenech fuq strajk tal-ġuħ għax żdiedu żewġ priġunieri ġodda fiċ-ċella tiegħu

Fenech qed jisħaq li dawn iddaħħlu mingħajr ma għamlu kwarantina, bl-Avukat tiegħu jisħaq li Fenech qed jinżamm f'kamra ma' diversi priġunieri oħra, bi ftit ventilazzjoni u xejn privatezza

Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, beda strajk tal-ġuħ wara li fiċ-ċella fejn qed jinżamm, iddaħħlu żewġ priġunieri ġodda, allegatament mingħajr ma għamlu kwarantina.

Fenech, li għandu kilwa waħda, qed jisħaq li dawn iż-żewġ persuni qed ipoġġu riskju fuq saħħtu, ġaladarba ma għamlux kwarantina.

Hu mifhum li apparti Fenech, hemm priġunieri oħra li bdew dan l-istrajk.

Gianluca Caruana Curran, l-Avukat ta' Yorgen Fenech, qed jisħaq li d-deċiżjoni ta' Fenech li jibda strajk kienet parti minn deċiżjoni li ttieħdet minn diviżjoni sħiħa fil-ħabs minħabba dawk li sejħilhom bħala kundizzjonijiet mhux aċċettabbli. 

Huwa saħaq li Fenech ilu għal diversi xhur jinżamm f'kamra li fiha hemm diversi persuni u bi ftit ventilazzjoni. Insista li dawn għandhom biss toilet wieħed li jaqsmu bejniethom u anke sink wieħed li fih jinħaslu, jaħslu l-platti, il-ħwejjeġ u l-lożor.

Kompla jisħaq li s-sitwazzjoni, speċjalment fis-sajf, saret insapportabbli.

Filwaqt li fakkar li Fenech għadu ma nstabx ħati u għalhekk għalissa jibqa' meqjus "innoċenti," għandu biss bejn kwarta u nofsiegħa ċans fil-ġimgħa biex jara lill-familtu. Skont Caruana Curran, dalgħodu, mingħajr l-ebda raġuni, anke dan id-dritt itteħidlu.

 

More in Qrati u Pulizija