George Degiorgio jrid spjegazzjoni dwar jekk kienx inħareġ mandat biex jintreċettawlu l-mowbajl

George Degiorgio talab lill-Qorti Kostituzzjonali biex tordna lill-Kap tas-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà biex iwieġeb dwar dan

Wieħed mill-irġiel akkużati bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia talab lill-Qorti biex tordna lill-Kap tas-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà, Joseph Bugeja, biex jispjega jekk kienx inħareġ mandat biex ikun jista’ jibda jiġi interċettat il-mowbajl tiegħu.

George Degiorgio, li flimkien ma’ ħuh Alfred u Vince Muscat huma akkużati li poġġew u attivaw il-bomba fil-karozza ta’ Caruana Galizia, ressaq applikazzjoni quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u li fiha jispjega kif fl-aħħar smigħ, l-Ispettur Keith Arnaud xehed kif ma kienx jaf jekk il-mowbajl ta’ Degiorgio kienx interċettat qabel inħareġ mandat.

Aktar tard fl-istess smigħ, tkompli l-applikazzjoni, Bugeja qal lill-Qorti li l-mandat ħareġ fi Frar tal-2017 b’konnessjoni ma’ “reat ieħor,” jiġifieri mhux b’rabta mal-assassinju ta’ Caruana Galizia, li seħħ wara. 

L-Avukat William Cuschieri, li qed jidher għal Degiorgio, staqsa lil Bugeja jekk kienx hemm mandat kontra Degiorgio b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia. Bugeja ma weġibx din il-mistoqsija.

Kien għalhekk li Degiorgio fetaħ dan il-każ u qed jisħaq li t-tweġiba għall-mistoqsija li għamel l-Avukat Cuschieri hija pertinenti ħafna għall-każ.

“Ma hemm xejn fil-liġi li twaqqaf xhud milli jwieġeb il-mistoqsija,” tkompli l-applikazzjoni.

Kien għalhekk li Degiorgio qed jitlob lill-Qorti biex tordna lil Bugeja biex iwieġeb din il-mistoqsija li saritlu.

More in Qrati u Pulizija