'Fid-dar in-nies għandhom iħossuhom siguri u mhux mhedda' - Maġistrat twissi missier

Il-Maġistrat Micallef Stafrace tat ċans ieħor lil raġel akkużat bi vjolenza domestika iżda qabel wissietu 

Raġel minn Birkirkara wieġeb ħati li fl-ewwel jum tas-sena weġġa’ lis-sieħba u lill-ibnu u li l-għada heddidhom.

Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar, kien akkużat ukoll li għamel użu ħażin mill-mezzi tal-kommunikazzjoni.

Il-Maġistrat spjegat lir-raġel li kienet se tagħtih sentenza ta’ 3 snin probation. Filwaqt li saħqet li ma tista’ qatt taċċetta l-vjolenza domestika, qalet lir-raġel li kienet se tagħtih ċans ieħor. 

“Tiġix tgħidli li minħabba l-alkoħol għax filkas ngħidlek tixrobx. Tiġix tgħidli li ibnek ipprovokak, għax għandu 16 u dejjem hemm il-bieb,” saħqet il-Maġistrat.

Insistiet li r-rwol ta’ raġel f’relazzjoni huwa li jipproteġi. “Il-Pulizija qiegħdin hemm biex jgħinuk, mela tagħmilx affarijiet stupidi meta jċemplulek. Qed nagħtik ċans. Inti qiegħed hemm biex tipproġeti l-familja u mhux biex issir il-problema tagħhom,” kompliet il-Maġistrat. 

Wissietu biex jifhem li dak li għamel huwa ħażin u qatt ma jista’ jkun aċċettat.

“Fid-dar in-nies għandhom iħossuhom siguri u mhux mhedda,” temmet tgħidlu.

More in Qrati u Pulizija