Il-Qorti Kriminali tikkonferma l-ħelsien mill-arrest għaż-żewġ suldati akkużati bi qtil razzist

L-Avukat Ġenerali talab lill-Qorti Kriminali biex tirrevoka d-deċiżjoni iżda l-Qorti Kriminali ma laqgħetx it-talba tiegħu

Il-Qorti Kriminali ma laqgħetx it-talba tal-Avukat Ġenerali biex Lorin Scicluna u Francesco Fenech ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest.

Iż-żewġ suldati, akkużati bil-qtil razzist ta’ Lassana Cisse Souleymane f’April li għadda f’Ħal Far, ingħataw il-ħelsien mill-arrest aktar kmieni dan ix-xhar, fuq depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huma qed isegwu curfew u jridu jiffirmaw kuljum fl-għassa.

L-Avukat Ġenerali talab lill-Qorti Kriminali biex tirrevoka din id-deċiżjoni għax fi kliemu tista’ toħloq “diżordni pubblika.”

Madanakollu, l-Imħallef Edwina Grima saħqet li ma tarax l-ebda raġuni għaliex għandha tirrevoka d-deċiżjoni.

Saħqet li l-akkużati qed jobdu l-kundizzjonijiet imposti fuqhom u ma jidhirx li hemm riskju li jbagħbsu evidenza, anke għax ix-xhieda kollha ttellgħu l-Qorti.

Kompliet tisħaq li għad irid jiġi ppruvat li l-akkużati qatlu lil Lassana Cisse minħabba r-razziżmu u għalhekk ikun prematur jekk tiċħad il-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija